Matthew Schembri Matthew Schembri

Ċerti ideat ma jorqdux (ir-raba’ parti)

Tagħlaq hawn is-sensiela ta’ bloggati ta’ Matthew Schembri fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rumanz il-ġdid tiegħu Il-Missjoni tal-Mostru, bl-aħħar parti tal-perkors li wassal sal-pubblikazzjoni tiegħu … [Għal min ma qarax l-ewwel tliet bloggati fis-sensiela, tistgħu taqrawhom hawn, hawn u hawn.]

Ir-raba’ bloggata dwar Il-Missjoni tal-Mostru (Ta' Taħt Fuq, #1), ippubblikat minn Merlin Publishers.



Wara

L-2022. Il-Marsa. Wara ma nafx kemm-il darba editjajt il-manuskritt –

*

niftakar, darba minnhom, jien u nieħu banju, wara ġurnata kitba/editjar, għaddieli ħsieb minn moħħi: b’dan l-ewwel ktieb, kont ħloqt mostru. Allura, il-kumplament ġie waħdu: il-kitba tiegħu, kienet missjoni. 

*

staqsejt lil Chris jixtieqx jaqrah. Aċċetta u bgħatthulu. L-iktar ħaġa li kienet qed tħassibni kien l-ammont ta’ paġni tal-manuskritt: ’il fuq minn 400 waħda. Mill-bqija, ħassejtni kunfidenti ħafna bix-xogħol, għax, f’għajnejja, dak iż-żmien, ħassejt li kont qed nagħti l-aħjar prodott li stajt nagħti.

Imma kemm hu sabiħ li niddiludu ruħna …! Inkella, nibqgħu inteftfu f’manuskritt sakemm immutu!

Ġranet wara, Chris bagħatli l-feedback tiegħu dwaru. Fi ftit kliem, il-manuskritt obliterah. Verament, obliterah bil-kritika kostruttiva, imma, obliterazzjoni, obliterazzjoni tibqa’. Għalkemm tbenġilt, ma tmeżmiżtx. Anzi, kritika kostruttiva bħal din inkun għatxan ħafna għaliha, għax, għall-ewwel qarrej tiegħi (li tistgħu tissaponu min hu), xogħli dejjem hu kapolavur, u din ma tgħinx. 

Skont Chris, il-manuskritt kien jonqsu ħafna xogħol. Jien kont lest li nxammar il-kmiem. Chris issuġġerieli li naħdem ma’ editur u, talabni biex, wara l-editjar, nerġa’ nkellmu. Semmieli xi edituri li jien stess kont naf u nammira. 

Ġranet wara, bgħatt email lil Noel (Tanti), u għedtlu li xtaqtu jkun l-editur tal-Missjoni.

Bi pjaċir kbir għalija, aċċetta.

*

Waħda mill-ewwel mistoqsijiet li staqsieni Noel kienet: x’inhuma l-influwenzi tiegħek vis-a-vì dan il-manuskritt?

Minn fejn kont se nibda? Dan ix-xogħol kien influwenzat minn Shakespeare sa Stranger Things

*

F’diversi intervisti, Margaret Atwood tgħid li l-ikbar erba’ għejun li kittieb jista’ jixrob minnhom huma l-Bibbja, Shakespeare, il-mitoloġiji u l-ħrejjef. B’hekk, jien ippruvajt naqra kemm nista’ minn dawn kollha. Fil-fatt, meta ma nħossnix “ispirat”, nirrikorri dritt għall-mitoloġija Griega (kif jixhdu ċerti ismijijiet mill-karattri ta’ dan il-ktieb). Fejn jidħol il-plott, imbagħad, tinħass iktar l-influwenza ta’ Shakespeare (Romeo and Juliet). U –

Nerġgħu lura għall-2018. 

Mark Vella, wieħed mil-letturi tad-Diploma fil-Letteratura Maltija (propjament, tat-taqsima-studju bl-isem In-Narrattiva fil-Gazzetti u l-Faxxikli), jassenjalna l-assenjament aħħari. Jiena, dejjem b’din l-idea tal-kwartett tberren f’moħħi, tlabtu permess biex l-assenjament nagħmlu fuq Ħrejjef Missirijietna (1994) ta’ Manwel Magri. 

Fuq ħafna livelli, dawn il-ħrejjef (u xi ħrejjef, iktar minn oħrajn), jistgħu jitqiesu bħala l-fondazzjoni ta’ Ta’ Taħt Fuq. Biżżejjed taqraw id-deskrizzjoni ta’ Gideon Pandorandru, imbagħad tħarsu lejn l-illustrazzjoni tax-xwejjaħ ta’ fuq il-qoxra (ta’ Peter Portelli) tal-ktieb ta’ Magri, u, speċjalment lejn dawk il-ħuġbejn twal twal – biex tintebħu b’din l-influwenza!

Madanakollu, bla ebda dubju, il-Bibbja ta’ din is-serje kien, (u hu ppjanat li jibqa’), il-ktieb tal-2010 ta’ Siddhartha Mukherjee, The Emperor of All Maladies: A Biography of Cancer (u, jekk taħsbu li qed nesaġera dwar kemm ilha tberren f’moħħi din l-idea, hawnhekk għandkom issibu traċċa dokumentata f’filmat!). Fit-tieni post, imbagħad, insibu Illness as Metaphor (1978) ta’ Susan Sontag.

*

Il-Missjoni tal-Mostru hu ktieb referenzjali – ħafna. U, dan, sar b’mod konxju. 

Mill-2011 ’il quddiem, waqt li kont qed nistudja l-arti fl-università, sibt affinita kbira max-xogħol ta’ Nicolas Bourriaud. Fix-xogħol seminali tiegħu tal-2002, Postproduction: culture as screenplay: how art reprograms the world, Bourriaurd jargumeta li l-arti tal-postproduzzjoni toqrob ħafna lejn it-tekniki varji tad-DJ kontemporanju jew tar-remixer, fejn l-artist jagħżel mill-oġġetti li ġa jeżistu u jużahom jew jimmodifikahom skont intenzjoni speċifika. 

Imma, inħoss, li, minn ċertu żmien ’l hawn (ejja ngħidu, minn post-Stranger Things ’l hawn), l-artist (f’termini wiesa’), mhux biss kien referenzjali, imma kien espliċitament referenzjali. Hekk ukoll nagħmel jien f’dan il-ktieb: id-dinja – jew aħjar, l-univers – kien – hu – għalija bħal ħanut kbir li nista’ nisraq minnu – xi drabi, mhux mingħajr konsegwenzi. 

*

L-editjar tal-Missjoni seħħ bejn l-2022 u l-2023, bejn il-Marsa u Pariġi (waqt residenza letterarja ġewwa s-Cité internationale des arts), bejn proġett u ieħor – xi ħaġa li drajt nagħmel (jew aħjar, xi ħaġa li kelli nidra nagħmel). Saru tliet edits maġġuri u xi tnejn oħra minuri. Kien hemm kapitlu minnhom kien ħabbatna mhux ħażin (dejjem ikun hemm dak il-kapitlu). 

In-numru tal-paġni rnexxielna nnaqsuhom bin-nofs.

*

Waħda mill-affarijiet li niftakar għamilt verament lejn l-aħħar tal-proċess tal-editjar kienet it-tranżizzjoni mill-kapitli għall-episodji. Irrealizzajt, li, dan il-ktieb, iktar kont ktibtu bħala direttur, milli bħala kittieb. Darba, jien u nirrifletti (xi ħaġa li, kif qed taraw, nagħmel ħafna) dwar għalfejn, fil-kitba, nirrikorri l-iktar għall-ġeneru tal-fantasija (u, fl-arti viżiva, għall-media tal-istallazzjoni), wasalt għal din il-konklużjoni: jien inħobb noħloq dinjiet kompletament tiegħi (fi kliem iktar dirett, f’xogħli, jiena control freak). 

U, la t-televiżjoni jista’ jiħdilna l-kapitli, għaliex aħna m’għandniex noħdulu l-episodji?

*

Meta Noel u jien lestejna mill-editjar, Chris żamm kelmtu u reġa’ qara l-manuskritt. Ġranet – u ħafna eċitament – jew aħjar, taqtigħ il-qalb – wara, qlajt wieħed mill-isbaħ rigali li stajt naqla’ f’għeluq it-30 sena tiegħi: Il-Missjoni tal-Mostru kien se jaslilkom bit-tikketta merlin!

*

L-2024. Waqt attività oħra merlin, din id-darba Kutri u Kotba (Letteratura Xitwija), ġewwa l-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt. Chris stedinni biex naqra silta mill-Missjoni (li, issa, fil-fatt, konna iktar qed nirreferu għalih bħala Mostru). 

Qabel ma introduċieni, kien qal li l-ktieb hu żvilupp ta’ Stessi. Naqbel miegħu.

Ngħidu aħna, jekk fi Stessi ħarġet l-imħabba kbira tiegħi lejn il-kuluri, f’dan ħarġet ukoll l-imħabba kbira tiegħi lejn l-annimali, il-films u l-mużika.

*

Mistoqsija li ħafna jistaqsu lil min ikun tilef lil xi ħadd għażiż għalih – u, li, ħafna drabi, dawn jistaqsu lilhom infushom ukoll – hi: kif toħroġ minn fażi bħal din?

Ara, jiena naraha hekk: il-mewt ta’ ommi kienet – għadha – ferita. Ferita fuq ġismi, ferita fis-sema. Fieqet, għalqet, imma xi drabi, bħal-lum, terġa’ tinfetaħ.

Tgħid, xi darba, għad nieqaf nikteb dwarha? 

Ma nafx.

Li naf hu li, min-naħa tiegħi, kienet għażla konxja li, f’dan il-proġett, ninħeba wara allegorija – tant, li, ħafna qarrejja, wara n-nemex ilellxu ħodor u l-vinarji mdellka ħodor-suwed, jaf lanqas biss jintebħu biha (sakemm ma jaqrawx din il-bloggata!)

Li rrid ngħid hu, li, din l-għażla kienet waħda egoistika, biex, waqt li nikteb dwar xi ħaġa li ma riditx torqod, nipproteġi lili nnifsi minn kitba bħal din li qed taqra bħalissa.

Dan il-ktieb, dan il-kwartett, hu (u għandu jkun) ittra ta’ mħabba lil ommi. Imma wkoll, ringrazzjament – u fuck you – lill-kanċer. Mingħajr it-tnejn ’l huma, dan il-proġett ma kienx ikun possibbli.

Imma bil-Malti jgħidu: kelb rieqed la tqajmux. U, xi kultant, insib ruħi nistaqsi lili nnifsi: tgħid, b’din il-ħidma kollha fuq dan is-suġġett, qed nilgħab man-nar?

*

Imbagħad ir-rutina tas-soltu: il-qari tal-provi, id-disinjar tal-qoxra …

U, issa li wasslet il-pubblikazzjoni, is-sentimenti – tas-soltu – ukoll: ferħ, eċitament, u biża’ …

*

Verament, ċerti ideat ma jorqdux. 

U, forsi għalhekk ukoll, ċerti kotba huma kumplessi iktar minn oħrajn.

*

Kif qed taraw, dwar dan il-ktieb, kelli (u għandi) ħafna xi ngħid. Allura, nieħu gost ħafna, li, jekk ikollkom xi mistoqsijiet, tistaqsuhomli hawnhekk. Ukoll, kull riċensjoni tkun apprezzata ferm. Imma, qabel dan, grazzi kbira talli qed taqrawni – u, jekk se taqraw il-ktieb, grazzi ikbar!

Ix-xewqa tiegħi hi li, għalikom, dan ma jkunx biss ktieb, imma esperjenza.

U bilħaqq!

Fil-paġni tal-bidu, għandkom issibu QR Code. F’idejkom biex tiskopru fejn se toħodkom!

*


Ħolqa: https://merlinpublishers.com/certi-ideat-ma-jorqdux-ir-raba-parti/


Il-Missjoni tal-Mostru (Ta’ Taħt Fuq, #1) issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/il-missjoni-tal-mostru-1/ fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!

Read More
Matthew Schembri Matthew Schembri

Ċerti ideat ma jorqdux (it-tielet parti)

Ikomplu l-bloggati ta’ Matthew Schembri fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rumanz il-ġdid tiegħu Il-Missjoni tal-Mostru. Illum it-tielet waħda … [Għal min ma qarax l-ewwel żewġ bloggati fis-sensiela, tistgħu taqrawhom hawn u hawn.]

It-tielet bloggata dwar Il-Missjoni tal-Mostru (Ta' Taħt Fuq, #1), ippubblikat minn Merlin Publishers.



Waqt

L-2020. L-eqqel tas-sajf. U tal-pandemija. Fuq il-laptop, għandi skeletru – fetu ta’ skeletru – tal-Missjoni, kif konna (u, ġieli, għadna) nirreferu għalih. Niftakarni ndur u nagħqad fit-toqba li jien u missieri konna spiċċajna noqogħdu fiha, il-Ħamrun. Niftaħ u nagħlaq il-kotba. U ndur u nagħqad …

Fl-aħħar, inpoġġi. 

U nibda.

Xi darba trid tibda.

*

“L-ispirazzjoni” ma nemminx fiha. Infatti, nista’ ngħid, li, meta bdejt naħdem fuq il-Missjoni, ma kontx “ispirat” (fil-fatt, jaf din kienet raġuni oħra għalfejn mort lura għal idea tal-passat). Inħoss li dan hu punt importanti ħafna li nqajjem, speċjalment bħala persuna kreattiva, li, wisq probabbli, qed tinqara minn persuni kreattivi oħra. 

Madanakollu, nemmen li l-kitba hi bħal kull xogħol ieħor, u, bħal kull ħaddiem ieħor, il-kittieb ikollu ġranet tajbin u ġranet inqas tajbin, ġranet tajbin ħafna (jew ħafna) u ġranet inqas tajbin ħafna (jew ħafna, ukoll).

Infatti, fl-ippjanar tal-Missjoni, niftakar sewwa meta kelli waħda minn dawn il-ġranet tajbin ħafna. Dakinhar, ġietni l-idea tan-nemex ħodor ta’ Camilla.

Dak iż-żmien, qed ngħidu għall-ħabta tal-2019, konna qed noqogħdu Ħal Qormi, f’post fuq u isfel; kont f’nofs il-kors tad-Diploma fil-Letteratura Maltija; u kont qed nirkupra bil-mod – bil-mod ħafna – mis-sintomi tal-fibro, li, sa fl-aħħar, xi xhur qabel, it-tobba kienu qatgħuha li kelli. Kelli bżonn ħafna mistrieħ, tant li kelli nieħu pawża ta’ xhur mill-kors u nqatta’ l-maġġorparti tal-ġranet mimdud fis-sodda.

Imma x’tagħmel b’xi ħadd li ma jafx joqgħod bi kwietu?

Xejn.

Allura, meta kont inkun niflaħ, is-sigħat fis-sodda kont inqattagħhom naħseb u nippjana, speċjalment dwar il-plott tal-kwartett. Fil-qagħda li kont fiha, missieri ma setgħax iħallini ħafna waħdi u kont nagħmel is-sigħat niddiskuti miegħu (il-propja idjoma hi: nixroblu moħħu, litteralment!) l-istorja, sal-inqas dettall. 

Barra dik il-mistoqsija bikrija dwar l-antropomorfizzar tal-kanċer, niftakar li, fejn jidħol dan il-proġett, kelli mistoqsija oħra li okkupatli – u għadha tokkupali – moħħi: x’jagħmel l-elementi ta’ ktieb (ix-xeni, il-karattri, l-ambjent, eċċ.) jinqalgħu mill-paġni tiegħu u jsiru parti mill-kultura popolari? Din il-mistoqsija tista’ wkoll tiġi applikata għal forom oħra ta’ arti, bħall-films jew il-kanzunetti – preokkupazzjonijiet oħra ta’ dan ix-xogħol. 

Għamilt ħafna riċerka – minn kull tip ta’ ktieb dwar il-kanċer u l-fantasija, sat-temp u ż-żoos – u tgħallimt ħafna. 

Imma nħoss li l-ikbar sejba tiegħi (jew aħjar, l-ikbar aċċertament tiegħi, għax, fil-fatt, din ma kienet sejba kbira xejn u jien ġa kelli xamma kbira tagħha), kienet li l-iktar elementi letterarji importanti huma … il-karattri. Dawn, dejjem skonti, huma x-xi ħaġa komuni bejn l-istejjer kollha li ħafna minnha verament – imma, verament – inħobbu u ngħożżu.

B’hekk, bi ħsieb konxju, ħdimt ħafna fuqhom (tant, li, jekk iħabbat il-bieb tad-dar, u, meta mmur niftaħ, insib lil xi ħadd minnhom quddiemi, ma ninħasadx).

U, fost il-karatteristiċi li jagħmlu karattru, biex ngħidu hekk, “ikoniku”, hemm, biex nagħti eżempju wieħed biss, id-dehra fiżika tiegħu jew tagħha (jew aħjar, b’mod iktar speċifiku, l-eċċentriċitajiet fiżiċi tiegħu jew tagħha). Ngħidu aħna, meta nsemmi ’l Harry Potter, hemm ċans kbir li l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħkom tkun n-nuċċali bil-lentijiet tondi tondi; jew iċ-ċikatriċi forma ta’ sajjetta ta’ fuq moħħu.

Imma jien, f’dan il-proġett, ma ridtx nistudja l-arketipi u daqshekk. Ridt nikser (jew aħjar, ngħawweġ) ir-regoli wkoll. Eżempju f’waqtu: Camilla hi tfajla (din jaf ma tidhirx ksur ta’ regola, speċjalment illum il-ġurnata, imma fil-fatt, meta tħares lejn l-istorja tal-protagonisti ta’ stejjer fantastiċi, hi). 

U, bħal Harry, fil-bidu nett, Camilla kien se jkollha marka waħda biss li tarmi d-dawl aħdar minn ġo fiha, ispirata mir-radioactive waves ta’ Marie Curie. Imma jien, hemm, mimdud fis-sodda fil-post ta’ Ħal Qormi, kont għadni mhux kuntent b’dan l-eżitu. Allura, ħabbat rasek m’hawn u kissirha minn hemm –

Ewreka!

In-nemex!

Dakinhar, jekk mhux qed nimmaġina, kien irnexxieli nqum bilwieqfa fuq is-sodda.

*

B’hekk, il-Missjoni beda jinkiteb waqt il-pandemija (forsi din hi waħda mir-raġunijiet għalfejn ħafna minnu hu ambjentat ġewwa u, speċifikament, f’Dar il-Weraq); lejn tmiem il-kors tad-Diploma fil-Letteratura Maltija u bejn l-editjar ta’ Ħassartek

Sal-2022, din kienet ir-rutina: inqum. Nikteb. Nerġa’ nikteb. Neditja (jiena neditja waqt li nikteb). Niekol. Nerġa’ nikteb. Nerġa’ neditja. Ninħasel. Norqod –

U, meta xi drabi moħħi kien jgħejja, jien u missieri konna nilbsu l-maskri u nerħulha nimxu madwar il-post tal-Ħamrun.

*

U, meta kont inkun niflaħ ftit iktar, konna ninżlu fil-kċina jew noħorġu fit-terazzin, noqogħdu madwar il-mejda ta’ tnejn, u nkomplu niddiskutu l-istorja hemmhekk. Fuqi, jien, dejjem kien ikolli l-expanding file l-iswed bil-pockets tal-qawsalla (jekk trid issir taf xi sigriet dwar il-kwartett, minn hawn trid tibda!) li fuqu kont inserraħ il-karti bojod. Fuqhom, b’biros ta’ kuluri differenti, kont nikteb u nħażżeż l-ideat kollha li kien ikolli. U, għamilt żmien, dawn id-diskursati kont anki nirrekordjahom fuq il-mowbajl. 

*

Waħda mill-osservazzjonijiet interessanti li għamilt wara t-telfa t’ommi kienet li, esperjenzi bħal dawn, għandhom is-saħħa jsaħħu familja – jew ikissruha; għandhom is-saħħa jbiegħduna minn persuni u jressquna iktar t’ oħrajn. 

*

Fil-fatt, dawn il-konverżazzjonijiet, li, ħafna drabi, kienu jibdew taħt sema blu nir u jispiċċaw biss meta jibda jigdem n-nemus, huma fost l-iktar memorji sbieħ li għandi ta’ missieri.

[tkompli …]


Ħolqa: https://merlinpublishers.com/certi-ideat-ma-jorqdux-it-tielet-parti/


Il-Missjoni tal-Mostru (Ta’ Taħt Fuq, #1) issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/il-missjoni-tal-mostru-1/ fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!

Read More
Matthew Schembri Matthew Schembri

Ċerti ideat ma jorqdux (it-tieni parti)

Fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rumanz il-ġdid tiegħu Il-Missjoni tal-Mostru, l-awtur u artist Matthew Schembri kiteb sekwenza ta’ bloggati dwar il-proċess li wassal għalih, u hawn tkompli t-tieni waħda … [Għal min ma qarax l-ewwel bloggata fis-sensiela, tistgħu taqrawha hawn.]

It-tieni bloggata dwar Il-Missjoni tal-Mostru (Ta' Taħt Fuq, #1), ippubblikat minn Merlin Publishers.



Qabel (it-tieni parti)

L-2015. Kelli 21. L-uġigħ li ommi kienet ilha tħoss f’idejha, jintensifika. It-tabib tal-familja kien ilu li ordnalha biex tieqaf tqandel (hi xorta baqgħet) u għamlilha appuntament biex tagħmel operazzjoni fil-poloz t’idejha. 

Imma, jien – u intom – nafu r-raġuni vera x’inhi.

Irritorna.

U déjà vu (ikrah minn ta’ qabilha? Ma nafx). Tabiba. Sptar. Testijiet. Riżultat. Malli ommi waqfet tieħu l-pirmla tar-remission, il-cancer sploda: f’sidirha tax-xellug, tal-lemin, fl-għadam, kullimkien … Niftakarni nkun kattiv magħha, nispjegalha r-riżultat sal-inqas dettall – ridtha tkun taf b’kollox – sakemm talbitni biex nieqaf. 

Kont qed nagħmel sew?

Ma nafx, lanqas.

*

Fl-istess sena, niftakarni nara powst fuq Facebook tirreklama l-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Żgħażagħ. Sena qabel, niftakar lil Leanne (Ellul) tirbħu, li wkoll kont (u għadni) ammiratur, kollega u ħabib kbir tagħha. Jekk mhux sejjer żball, dak iż-żmien ried ikollok 20 sena biex tieħu sehem fih (imma naħseb li, fil-fatt, sejjer żball, għax 18 iktar iddoqq). Hu x’inhu, iddeċidejt li nieħu sehem. 

U l-idea tiegħi kompliet tikber, tiżviluppa: minn novella, saret rumanz għaż-żgħażagħ, bl-isem ta’ KAN KER. Dak iż-żmien, il-bidla fl-udejnza-mira – mill-adulti għaż-żgħażagħ – kont rajtha tagħmel ħafna sens, għax, fl-aħħar mill-aħħar, meta ommi qabadha kanċer, id-darbtejn li huma, jiena kont żagħżugħ. 

Il-Junior College, jew l-Univeristà – mhux ċert – niftakarni naqra dwar Edvard Munch, dwar kif ħajtu kienet mifnija bil-mard u l-mewt, u, b’hekk, f’moħħu, dawn tħalltu mal-iżvilupp jew mal-imħabba. Naħseb xi ħaġa simili ġrat lili wkoll. 

Dik is-sena, il-manuskritti rebbieħa kienu Il-Kulur tal-Lellux ta’ Rita Saliba u Termini u Kundizzjonijiet Japplikaw ta’ Roberta Bajada – kittieba li, illum, jinsabu wkoll fil-lista ma’ Nadia u Leanne. 

Dakinhar, wara ċ-ċerimonja, niftakarni mmur lura d-dar ma’ missieri –

*

ommi kienet mietet fid-19 ta’ Novembru tal-istess sena (b’“attakk tal-qalb”, imma lkoll nafu biex) –

*

niftakarni ngħidlu li l-idea li kelli kienet wisq ambizzjuża u li kelli nibda naħdem fuq idea oħra. 

Minn dik il-lejla stess, bdejt naħdem fuq Stessi

*

Sena wara, fl-2016, Stessi jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ, flimkien ma’ (Ri)ġenerazzjoni ta’ Antoinette Borg. 

Qabel iċ-ċerimonja, jien u missieri konna morna l-ġonna ta’ San Anton, il-post li kont (u għadni) nirrikorri għalih meta nħossni mentalment għajjien. Dakinhar, kont għajjien fiżikament ukoll, imma t-tobba kienu għadhom ma waslux għad-dijanjożi tal-fibromyalgia. Kont ilbist il-qmis il-lelà kkaxxjata bil-vjola, ix-xalla kafellatte u xi jeans. Xagħri iswed kien twil sa geddumi, bil-highlights kannella. Tant kont qtajt qalbi li nasal xi mkien fil-kitba, tant kont għajjien, li lanqas biss konna sejrin għaċ-ċerimonja. 

Sentejn wara, fl-2018, Stessi jiġi ppubblikat minn Merlin Publishers.

Wara, il-famuż “writer’s block”.

Dan ġie dokumentat sew (pereżempju, f’din il-bloggata), u, allura, hawnhekk, mhux se nidħol fih. Kull mhu se ngħid hu, li, għalkemm ma stajtx nikteb, stajt inħassar. U nimmaġina.

U, l-idea, kompliet tikber u tiżviluppa: issa, minn rumanz, saret serje ta’ erba’ kotba (dak iż-żmien, kont għadni minix ċert jekk kontx se nsemmiha Ta’ Taħt Fuq), wieħed għal kull stadju tal-kanċer. 

B’hekk, barra l-format innifsu, l-iżvilupp tal-format ta’ din l-idea jirrifletti t-tema tiegħu. 

*

U lura għall-2018, waqt attività merlin – Ktieb u Tazza Nbid – waqt il-festival tal-ktieb. Dakinhar, kont qrajt minn Stessi għall-ewwel darba fil-pubbliku. Niftakar, qabel tlaqna mid-dar, kont ħsilt xagħri – issa itwal minn tal-2016, u sewda kollha kemm hi – u baqgħetli mxarrba. Niftakar li kont ilbist flokk iswed b’ħafna żippijiet meħjuta f’postijiet strambi. Niftakarni mdejjaq għax ħadd minn ħuti (tnejn bniet) ma kien ġie jarani. Fl-istess attività, Simon Bartolo – Simon Bartolo tal-Fiddien! – qara minn manuskritt dwar kreatura tal-bir, u niftakarni ninkwieta li l-idea tiegħi kienet tixbah ħafna lil tiegħu.

Dakinhar, qabel tlaqna mill-festival, kont għedt lil Kristina Chetcuti – l-editriċi ta’ Stessi – li kelli idea għal serje ta’ kotba. Niftakarha tgħidli, “Agħti ċans” – jew xi ħaġa simili.

Ridt jew ma ridtx, hekk kelli nagħmel.

[tkompli …]


Ħolqa: https://merlinpublishers.com/certi-ideat-ma-jorqdux-it-tieni-parti/


Il-Missjoni tal-Mostru (Ta’ Taħt Fuq, #1) issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/il-missjoni-tal-mostru-1/ fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!

Read More
Matthew Schembri Matthew Schembri

Ċerti ideat ma jorqdux (l-ewwel parti)

Fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rumanz il-ġdid tiegħu Il-Missjoni tal-Mostru, l-awtur u artist Matthew Schembri għoġbu jonorana b’sensiela qasira ta’ bloggati, sinċiera mill-qalb kif jaf jikteb hu. Din l-ewwel waħda …

L-ewwel bloggata dwar Il-Missjoni tal-Mostru (Ta' Taħt Fuq, #1), ippubblikat minn Merlin Publishers.



Qabel (l-ewwel parti)

Ċerti ideat ma jorqdux. 

*

Il-Ħamis 16 ta’ Lulju 2009. Kelli 16-il sena. Ommi u missieri jħalluni għand oħti ż-żgħira (li, fil-fatt, ma kienet żgħira xejn, għax kienet 13-il sena ikbar minni), biex imorru għand it-tabiba. Ġurnata qabel, ommi kienet innutat xi ħaġa differenti f’sidirha tax-xellug. Malli invistata, it-tabiba bagħtitha dritt fi sptar privat, biex tagħmel it-testijiet. Wara, lura għandha. Jien u oħti (li, dak iż-żmien, kellha tarbija ta’ ftit xhur), niftakarna ras maqtugħa. Niftakar ħafna telefonati, ma’ ħafna nies differenti. U, dakinhar, niftakar tant infxilna, li sa n-neputi waqgħalna minn fuq is-sodda.

Meta ommi u missieri ġew lura għand oħti, niftakar lil ommi liebsa top roża metalliku, dublett twil-goff u żarbun bit-tkaken – it-tnejn ta’ sfumaturi kannella. Ommi, mara vanituża għall-aħħar, naħseb żgur tkun kburija ħafna bija li bqajt niftakar propju dawn id-dettalji.

Dakinhar, sirna nafu li ommi kellha kanċer tas-sider. Stage 4.

Niftakar li kienu ġew xi zijjiet. Niftakarni nibki, nolfoq, jien u ngħannaqha bis-saħħa, ma rridx nitlaqa’ minn miegħi, qisu, jekk nagħmel hekk, kienet se tmut hemm, quddiemi.

Għalija, dak iż-żmien – u forsi anki llum – il-kelma kanċer (kienet) tfisser mewt.

Iż-żmien kellu jtini raġun.

Ommi tmut sitt snin wara.

*

Meta morna lura d-dar, u dorna madwar il-mejda, ħassejt li ma bqajniex iktar tlieta – ommi, missieri u jien. Issa, kien hemm xi ħaddieħor magħna, xi ħadd li ma kienx jidher, xi ħadd li ma kienx mistieden, imma, li, minn dakinhar ’il quddiem, kien se jibqa’ jgħix magħna, sakemm jirnexxielu joqtol lil ommi. 

B’hekk, dakinhar ukoll, nibtet idea f’moħħi: il-kanċer bħala uman. 

Li kieku l-kanċer kien uman, min kien ikun?

*

L-idea, għall-ewwel, ħadet format ċkejken ħafna: novella ta’ paġna/ġiex paġni kollox, bl-isem ta’ Il-Vampir Tiegħek (innota: il-kanċer, hawnhekk, ġa hu tip ta’ mostru). Fiha, il-kanċer jikteb ittra fejn jindirizza lilna, l-umani, u, wara li jgħidilna min hu, jgħid li hu hekk mhux għax irid hu. Din in-novella ġbartha ma’ numru ta’ novelli oħra li kont ktibt dak iż-żmien (qed ngħidu għal ħabta tal-2009), u l-manuskritt issottomettejtu għall-konkors merlin, #abbozz (99% Chris se jiskopri dan la jaqra din il-bloggata).

Niftakarni ġo kafetterija qrib il-Junior College, ma’ xi tlieta oħra minn sħabi tal-kors, waqt xi break jew free lesson, meta nirċievi l-email awtomatika mingħand il-merlin: il-manuskritt tiegħi ma kienx għamilha mal-finalisti. 

Id-diżappunt.

U komplejt ma’ sħabi.

Dik is-sena, il-manuskritt rebbieħ kien dak li llum hu l-ġmiel ta’ rumanz Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa ta’ Nadia Mifsud – ispirazzjoni kbira għalija dak iż-żmien; illum, barra minn hekk, kollega u ħabiba kbira tiegħi.

Madankollu, għal ftit ta’ żmien, waqaft nixtri kotba merlin.

[tkompli …]


Ħolqa: https://merlinpublishers.com/certi-ideat-ma-jorqdux-l-ewwel-parti/


Il-Missjoni tal-Mostru (Ta’ Taħt Fuq, #1) issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/il-missjoni-tal-mostru-1/ fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!

Read More
Matthew Schembri Matthew Schembri

id-diskors li ma nqarax: il-premju għall-aħjar awtur emerġenti 2022

id-diskors li ma nqarax: il-premju għall-aħjar awtur emerġenti 2022

ħolma.

bix-xieraq li dan id-diskors nibdieh b’din il-kelma.

għax kollox jibda b’ħolma.  

pawża  

u issa se naqralkom dan id-diskors.

naturalment, kelli nikteb.  

li nikteb.

il-bżonn li nikteb.

il-gost li nikteb.

il-mhux-gost li nikteb.  

sorpriża: hekk kont qed nagħmel meta  

14.10.22  

ċempel il-mowbajl. x’kien kien ħdejja?

hello.

hello. jien matthew borg mill-kunsill.  

ħsibt, irid isaqsini xi ħaġa dwar ħassartek.  

għandi aħbar sabiħa għalik, matthew.

inti  

     

onorat ħafna, niftakarni ngħid.

u, meta qtajt, inħares lejn l-iskrin tal-laptop.  

u nara li l-aħħar kelma li kont ktibt kienet rebbieħ.  

u kont wasalt f’paġna 22.  

matthew dakinhar kellu jimlieli l-lakuni ta’ bejniethom.

matthew, inti r-

flashback: 11-il sena  

forsi iżgħar

 

ġurnata magħluq f’kamarti. naqra qrempuċu f’belt il-ġobon.

għajnejja ma jistgħux ilaħħqu ma’ dak li qed jaqraw.

immeraviljat.

ċert.

 

xi darba rrid insir bħal trevor żahra.  

mhux kittieb.  

le, bħal trevor żahra.  

flashback: 14.10.22  

inti r-rebbieħ tal-premju għall-aħjar  

konxju ħafna li premju bħal dan huwa konfluwenza ta’ fortuna u opportunità.  

il-fortuna ma fiha xejn interessanti.

allura, ejja nitkellmu fuq l-opportunità.

ma nistax nagħmel dan mingħajr ma naħseb fl-aġenzija żgħażagħ.

f’taħżiż. f’leħen il-malti.  

imma ejja nitkellmu wkoll fuq ix-xogħol.

kif ċert li tafu intom, sħabi-kollegi, dan huwa xogħol iebes.

xogħol iebes ħafna.

u ħdimt fl-iebes għal ħafna ħafna snin.  

ħafna jħobbu jgħiduli l-frażi ‘għadek żgħir’.

jien qatt ma ħassejtni ‘żgħir’.

ma tistax tħossok żgħir meta tkun ilek  

flashback: minn 11 sa 22 sena  

tikteb manuskritt.

tibagħtu lil pubblikatur. ma jaċċettahx.

tikteb manuskritt. tissottomettih.

tikteb  — irrepeti.  

irrepeti.  

emmen fik innifsek.

imma jien, f’dan iż-żmien, ma kellix il-kuraġġ li nemmen fija nnifsi.

kont fortunat li sibt lil xi ħadd li tani dan il-kuraġġ mill-bogħod.

mara li għallmitni biex ma nibżax inkun u nikteb dak li jien.  

u emmint fija nnifsi.  

jien ma nemminx fl-ispirazzjoni, imma nemmen fid-dixxiplina. fil-perseveranza. jiena sempliċement inħobb nagħmel dak li nagħmel. sempliċement naħdem.

  nittama.  

sakemm.  

flashback: 2016  

tikteb manuskritt. tissottomettih għall-konkors ta’ kitba - letteratura għaż-żgħażagħ. jintgħażel.  

stessi.  

u hawn nerġgħu niltaqgħu ma’ dik il-kelma: opportunità.

aġenżija żgħażagħ. kunsill nazzjonali tal-ktieb. merlin publishers. chris gruppetta.

il-ferħ li tara l-ewwel ktieb tiegħek fuq l-ixkafef huwa ...  

2022

 

premjijiet bħal dawn jagħtuk l-impressjoni li tista’ tmiss is-sħab.

biss, premjijiet bħal dawn, ukoll, mhumiex tat-tajjar. huma tqal. tqal ħafna.

  flashback: 2021  

minn hawnhekk twieled ħassartek.

minn diversi bnadi oħra.

imma minn hawnhekk ukoll.

x’tagħmel meta ma tkunx tista’ tikteb?

minħabba dan il-piż? u ieħor fiżiku?

naturalment, tħassar dak li ktibt.

partijiet minn dak li ktibt.

u terġa’ tippubblikahom.  

l-opportunità, din id-darba: id-dipartiment tal-malti. il-kunsill malti għall-arti. studio solipsis. glen calleja.  

il-preżent  

mhux se nsemmi iktar ismijiet.

għax hemm ħafna.

hemm iktar milli qatt ħsibt li jista’ jkun hemm.

u ta’ dan ninsab tant grat li, jien u nikteb, inħoss qalbi se tinfaqa’.

nikkommovi ruħi meta naħseb fil-merħba sabiħa li tatni din il-komunità. intom.

u hawnhekk ma nistax ma naħsibx ukoll f’inizjamed.  

u ovvjament, il-bord tal-kunsill nazzjonali tal-ktieb.  

kont tal-fehma li mhux għaqli li toħroġ ktieb-esperiment.

il-bord, b’dan il-premju, qed jurini mod ieħor.

bih inħossni li, kreattivament, nista’ nagħmel li rrid.

tal-inqas, qabel ikellimni l-editur ... u d-disinjatur ... u l-qarrej tal-provi. u –

fhimtuni.  

u, ovvjament, ma nistax ma naħsibx ukoll fil-ġurija.  

flashback: 2021  

ħassartek jiġi nnominat fil-kategorija tal-poeżija u  

il-preżent  

nixtieq ngħid li din in-nominazzjoni fissret – tfisser – iktar mid-dinja għalija.

li xogħli ġie mpoġġi biswit dak ta’ tliet ġganti – nadia, norbert, is-sur england – u meta jien għadni biss fetu, ifisser l-univers għalija.  

allura tistgħu forsi timmaġinaw kif qed inħossni b’dan l-unur.  

awtur emerġenti.

il-kelma ‘awtur’ m’iniex ċert minnha.

imma, iva, ‘emerġenti’ tinstema’ – hi – ħafna iktar sabiħa minn ‘stabbilit’.  

inħossni onorat iktar meta niftakar fl-ismijiet ta’ dawk li kisbuh qabli.

konxju li hawn ħafna nies li għandhom jiġu rikonoxxuti u ma jiġux.

b’hekk, nittama li kliemi, xogħli, huwa u se jkun denju ta’ premju bħal dan.  

bl-għoti ta’ dan il-premju, inħoss ukoll il-piż li ġa għamilt referenza għalih ftit ilu.

inwegħedkom li dan se nġorru bl-ikbar responsabbiltà.

liema responsabbiltà nittama li ma xxekkilnix f’xogħli.

għax m’għandix iktar xi nħassar.  

u nħoss li r-responsabbiltà li għandi hija l-ikbar lejn kittieba iżgħar minni. emerġenti bħali.  

u nħoss li rridu nagħmlu aktar.

naf li l-kunsill qed jagħmel u għamel ħafna u ta’ dan grat u nibqa’ grat li ma ngħidx.

konxju wkoll li premju bħal dan, sa ftit snin ilu, lanqas biss kien jeżisti.

id-destinazzjoni, imma, għadha twila.

irridu nagħmlu aktar.

u meta nagħmlu aktar, se nitlob biex nagħmlu aktar.

qatt mhu se jkun biżżejjed.

 

hekk biss iseħħ il-progress.  

biex lil dak it-tifel li llum għandu 11-il sena u jinsab magħluq f’kamartu jaqra ktieb tiegħi jew mhux tiegħi u jinsab immeraviljat u jixtieq ikun bħalna, ikollu triq eħfef.

 

u forsi – forsi – taħsbu li llum, b’żewġ kotba taħt ismi, triqti hija waħda faċli.

  margaret atwood tgħid li l-att tal-kitba huwa att ta’ tama.

tibda tikteb ktieb – tittama li tispiċċah; imbagħad, meta tispiċċah, tittama li huwa tajjeb; imbagħad, tittama li xi ħadd se jkun irid jippubblikah; imbagħad, li xi ħadd se jkun irid jaqrah.  

allura jien, fil-kliem Trevorjan, se nibqa’ naqra ħafna, nikteb ħafna, narmi ħafna.

  noħlom ħafna.  

kull darba li niftakar fil-qarrejja, inħossni privileġġjat li ma ngħidx.

 

meta ħriġt stessi ddedikajtu lili nnifsi; meta ħriġt ħassartek ħallejt lill-qarrejja jagħżlu huma lil min iridu jiddedikaw il-ktieb.

imma l-kopja tiegħi hija ddedikata lil entità waħda: l-omm. il-missier.  

flashback: 14.10.22  

pa, fejn qiegħed?

għadni nixtri l-PAVI.

ara ma niflaħx ma ngħidlekx ...

xiex?

il-preżent  

qed tara, pa, issa ... kulħadd jaf!  

dan il-missier ta u għamel minn kollox biex illum ninsab hawn.

u llum, b’dan l-unur, żgur jinsab ferħan iktar minni – impossibbli daqskemm taf tinstema’.  

u fi kliemu: issa ma tridx toqgħod tiċċassa, trid ixxammar il-kmiem.  

il-verità hi li meta tkun nominat u titlef, trid taħdem aktar. u meta tirbaħ, trid taħdem aktar.  

u hawn terġa’ titfaċċa l-kelma ‘ħidma’.

għax il-kitba hija hekk. ħidma. xogħol.

u għandha tiġi rikonoxxuta daqs kull xogħol ieħor.

mhux bħala passatemp. mhux bħala side-hustle.

imma, għal min irid, anki xogħol full-time.

u mingħajr sagrifiċċji finanzjarji astronomiċi.  

forsi kollox jispiċċa b’ħolma, ukoll.

u, għalhekk, barra l-ħolm-klixè l-ieħor kollu, jien għandi waħda partikolari.

li, meta xi ħadd jistaqsini inti x’tagħmel u nwieġbu nikteb, ma jistaqsinix u x’aktar?

pawża  

issa tal-aħħar.  

għamilt l-almu kollu tiegħi biex din il-kelma partikolari ma nsemmihiex.

meta kelma ssemmiha ħafna drabi jaf titlef l-effett tagħha.  

lil dawk kollha li semmejt.

lilkom kollha li tinsabu hawn.

u oħrajn li ma jinsabux hawn.

u speċjalment, lill-kunsill nazzjonali tal-ktieb.  

minn issa

flashforward

grazzi.

4 ta’ Novembru 2022

Read More
Matthew Schembri Matthew Schembri

‘Ħassartek’: Wara l-Kwinti (3)

'Ħassartek' huwa t-tħassira parzjali minn Matthew Schembri tal-ewwel rumanz tiegħu, 'Stessi' (Merlin Publishers, 2018). Jinkludi 231 poeżija tat-tħassir.

U, b’hekk, wara l-aħħar bloggata, nerġa’: x’tagħmel li kieku tkun kittieb u ma tkunx tista’ tikteb?

It-tweġiba li sibt jiena, f’dan il-punt, kienet it-tħassir.

Iddeċidejt li nibda nħassar partijiet minn Stessi. Għall-ewwel b’sens ta’ rabja, ta’ tpattija, ta’ protesta, ta’ qerda ... kont se nurih xi nfisser lil dar-rumanz li, minħabba fih, fost l-oħrajn, ma stajtx nikteb ... biss jien u nħassar u nirriċerka, skoprejt li dak li kont qed nagħmel kien fil-fatt jaqa’ taħt il-kappa tal-ġeneru tal-poeżija tat-tħassir.

(hawnhekk waqaft mill-kitba għax kien sar il-ħin u għejejt u qabadni n-ngħas) ...

(u hawnhekk suppost kelli nkompli nikteb imma qomt u minflok weġibt l-emails u l-messaġġi u bgħatt xi informazzjoni fuq il-ktieb dwar artiklu lil Newsbook, erġajt komplejt bil-korrispondenza, imbagħad sar il-ħin biex immorru l-festival, u, wara li ġejna, kilt, biddilt, inħsilt ... u issa, fis-sodda ...

erġajt qed niċċassa lejn il-laptop, il-kliem ta’ dad-dokument iħarsu lura lejja ...)

Ara, ħa mmur lura għall-punt, għax, żgur mhux forsi, dejjaqtek ġej biha — ridt biss inkun mill-iktar onest miegħek (se nerġa’ ndur fuq il-punt tal-onestà dalwaqt).

Paragrafu mir-riċerka: Il-poeżija tat-tħassir hija forma ta’ poeżija misjuba fejn poeta-artist jieħu test eżistenti jew sors oriġinali (bħal artiklu minn gazzetta, paġna minn rumanz, ittra, eċċ.) u jħassar, jgħatti bl-iswed, jew joskura porzjon kbir tat-test. B’hekk joħloq xogħol poetiku “ġdid” mill-kliem li jibqa’ tat-test antik (poets.org, 2018).

U allura, din ir-riċerka bidlitli kompletament il-perspettiva tal-att li kont qed nagħmel fuq Stessi. Sa ċertu punt, iva, kont qed neqred. Imma kont qed noħloq ukoll.

Sakemm ġejt biex nagħti l-preżentazzjoni tad-Diploma, kont ħassart għadd ta’ paġni minn Stessi u ppreżentajthom flimkien mar-riċerka fuq il-ġeneru. Imma qgħadt b’seba’ għajnejn liema minnhom ippreżentajt.

Ir-rispons tal-letturi u tal-istudenti-sħabi, għalija, kien ta’ barra minn hawn. Nibqa’ grat ħafna lejhom.

Irrealizzajt li dan il-proġett kien hawn bżonnu. Kien importanti.

U għalkemm fi żmien il-preżentazzjoni kien ġa rnexxieli nixref xi ftit min-nixfa tal-kitba, iddeċidejt li l-paġni ta’ dal-ktieb kellhom jitħassru kollha – parzjalment – biex minn kull paġna (321 b’kollox) noħroġ poeżija tat-tħassir.

Għamilt sajf kwarantina, nagħżel il-kliem u nħassar kuljum, sakemm sawwart l-ewwel abbozz — inkluż dawk il-poeżiji li ħbejt mill-preżentazzjoni tad-Diploma.

Għalfejn ħbejthom? Ma kontx għadni lest li nuri li l-maħbub immaġinarju tiegħi kellu l-‘a’ aħħarija nieqsa. Issa lest? Sinċerament, ma nafx. Qatt tista’ tkun lest lest? Li naf li, fil-poeżiji — il-ġeneru li bdejt nikteb bih — ma nafx ma nkunx onest. Kelli żewġ toroq quddiemi: l-artifiċjalità jew l-onestà. Għażilt tal-aħħar — awtomatikament. U llum nemmen li, b’din l-għażla, ix-xogħol gawda ħafna iktar. Il-qarrejja, b’hekk, qed igawdu u se jgawdu ħafna aktar ukoll.

Il-poeżija, allura, talbitni biex ninża’ għarwien quddiem kulħadd. Iktar milli ninża’. Imma mat-tneżżigħ, tiġi wkoll il-libertà. U dan ix-xogħol, bla dubju, illiberani. Minn fejn ġiet din is-saħħa barranija? Il-kitba hija l-ewwel ilsien tiegħi, dak li bih inħossni l-iktar komdu nikkomunika — forsi hawnhekk tinsab it-tweġiba għal din il-mistoqsija.

Ma nafx lanqas, imma, kif sibt il-kuraġġ li naqsam dan l-abbozz ma’ ħadd ħlief Maria Grech Ganado (waħda mill-idoli letterarji lokali tiegħi — kbira fit-talent daqskemm fl-umiltà). U hawnhekk sibt iktar inkoraġġiment — u mingħand min!

Sadanittant: il-proġett sar wisq importanti għalija. Ħassejt li ma stajtx ma nurix dan il-vjaġġ letterarju tiegħi — bilfors kelli nippubblika t-tħassira tal-ewwel rumanz, qabel nippubblika t-tieni wieħed (nispera). Fl-istess ħin, dawk l-intoppi kollha li semmejt, żammewni wkoll lura milli nagħmel wirja tal-arti: allura, staqsejt lili nnifsi: “min jaf li kieku stajt norbot din il-pubblikazzjoni mad-dinja tal-arti viżiva?”

Kelli bżonn editur. Għażla ħafifa, Glen. Kellimtu. Aċċetta. Ħolma. Kelli bżonn kuratur. Għażla oħra ħafifa, Raphael. Kellimtu wkoll. Aċċetta wkoll. Ħolma wkoll. Napplika għall-fondi? Il-pandemija waqfet kollox. Pawża. Stennejna. Ktibt aktar. Is-sejħa għall-fondi reġgħet ħarġet. Applikajt. Stennejna. Ktibt aktar. Ħareġ ir-riżultat. Il-Kunsill Malti għall-Arti għażel li jgħin lil dan il-proġett!

Nifs kbir ’il barra, ta’ ferħ (mhux issa, dakinhar li ħareġ ir-riżultat).

Beda l-proċess tal-editjar. Żmien sabiħ u intensiv. Bis-saħħa ta’ Glen, għattejt salt partiċelli, artikli, u xi klixejiet, u kxift numru sabiħ ta’ kliem, xbihat, vuċijiet. B’kollox ħassart xi tmien verżjonijiet ta’ Stessi sakemm wasalna għal dik aħħarija, Ħassartek li ġiet stampata biex tilħaq tinbigħ waqt il-Festival tal-Ktieb 2021 ...

U issa għadda wkoll. U ma nistax nemmen.

Stessi tħassar fi żmien li ħassar ħafna pjanijiet. Fi żmien li ħafna xtaqu u jixtiequ jħassru mill-memorja. Hija ironika kif b’att li jgħatti, kxift dan kollu ...

U wara l-festival?

Il-wirja tal-arti, hux, ikkurata minn Raphael Vella u li se ssir fi Studio Solipsis mis-26 ta’ Novembru sas-26 ta’ Diċembru 2021.

Imma qabel, għar-raqda.


Iktar informazzjoni dwar Ħassartek

Read More
Matthew Schembri Matthew Schembri

‘Ħassartek’: Wara l-Kwinti (2)

'Ħassartek' huwa t-tħassira parzjali minn Matthew Schembri tal-ewwel rumanz tiegħu, 'Stessi' (Merlin Publishers, 2018). Jinkludi 231 poeżija tat-tħassir.

Sewwa. Issa li, fil-bloggata ta’ qabel, neħħejt balla kbira minn fuq l-istonku: x’tagħmel li kieku tkun kittieb u ma tkunx tista’ tikteb?

 

Ma nixtieqx nirromantiċizza wisq ir-writers block, għax, fil-verità, wara li ħriġt mill-isptar u bdejt nattendi l-kors tad-Diploma fil-Letteratura Maltija, ma waqaftx nippjana f’moħħi dwar storja li kienet ilha tberren fih sa mill-2015 (nittama li ssiru tafu biha dalwaqt).

 

Imma nippjana f’moħħi biss. Mhux nikteb. U kittieb mhux kittieb jekk ma jiktibx.

 

Għall-ewwel ma stajtx nikteb mil-lat mentali. X’se taqbad tikteb wara li l-ewwel rumanz tiegħek rebaħ premju prestiġjuż? Ġie ppubblikat? Kif se tikteb xi ħaġa aħjar? Aqwa? U l-qarrejja?

 

Owkej, owkej, nistħajlek tgħidli: “Kemm qed tgħaġġibha!”

 

Veru. Imma xorta tibqa’ l-verità.

 

Imbagħad bdiet l-għeja. Għeja mingħajr ma nagħmel xejn. U wġigħ ma’ ġismi kollu. Minn imkien. It-tnejn dejjem jiżdiedu. L-isptar sar id-dar. Nitlef il-lekċers tad-Diploma bl-addoċċ. U, l-agħar fosthom, ħadd — imma ħadd — ma jista’ jgħidli x’għandi. L-ebda tabib, l-ebda professur, l-ebda test mediku ...

 

Wara ħafna trietaq, imma: il-fybromyalgia. Dik kienet. Wisq probabbli riżultat tal-attentat li semmejt qabel, jew tat-trawma li għaddejt minnha bil-kanċer li ħakem lil ommi u qatilha. Qed insemmi dan kollu għax huwa relevanti għal ‘Ħassartek’, imma wkoll, għax bħas-saħħa mentali, il-kundizzjoni tal-fybromyalgia għandna bżonn nitkellmu iktar dwarha. Hemm bżonn iktar għajnuna fejn jidħlu dawn il-kundizzjonijiet. U min jgħidli li hemm għajnuna, ngħidlu: mhux biżżejjed. Qatt mhu biżżejjed.

 

Hu x’inhu, issa żgur ma stajtx nikteb, lanqas fiżikament. Qattajt xhur fis-sodda, għajjien, muġugħ, nista’ nisma’ biss l-audiobooks, nistennew, jien u missieri, li forsi xi wieħed mill-bosta esperimenti mediċinali jagħmel xi miraklu (li ma nemminx bihom, bħala ateu pur) u jibda jgħin (għax xejn ma jista’ jfejjaq din il-kundizzjoni) ...

 

U, allura, hawnhekk missejna ma’ tmiem ieħor f’forma oħra.

 

Żgur qatt ma kien se jirnexxili nikteb aktar. Nagħmel iktar wirjiet tal-arti.

 

Kif stajt, meta lanqas kelli saħħa nagħmel ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum?

 

Għadni sal-lum ma nistax nemmen kif temmejt il-kors tad-Diploma b’suċċess. Jew forsi naf — bis-saħħa ta’ missieri, tal-letturi, tal-istudenti-sħabi u ta’ ftit oħrajn li baqgħu. U, waqt li d-dinja kollha bdiet timrad, saħħti bdiet sejra dejjem għall-aħjar. Il-proġett aħħari tad-Diploma, issa online minħabba l-pandemija, kien jinvolvi l-interpretazzjoni ta’ xogħol letterarju u l-preżentazzjoni kreattiva tiegħu ...


Iktar informazzjoni dwar Ħassartek

Read More
Matthew Schembri Matthew Schembri

‘Ħassartek’: Wara l-Kwinti (1)

'Ħassartek' huwa t-tħassira parzjali minn Matthew Schembri tal-ewwel rumanz tiegħu, 'Stessi' (Merlin Publishers, 2018). Jinkludi 231 poeżija tat-tħassir.

“X’tagħmel li kieku bħala rigal taqla’ kamera –”

Ieqaf hemm, Sven! (ftit kuntest: Sven huwa l-protagonist tar-rumanz debutt tiegħi, Stessi, rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba — Letteratura għaż-Żgħażagħ 2016 — organizzat bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb — u ppubblikat fl-2018 minn Merlin Publishers).

Ma nagħtihx tort lil Sven jaħseb li jrid jitkellem hu, għax Ħassartek hu Stessi imma fl-istess ħin mhuwiex — iktar fuq dan il-punt iktar tard.

Għalissa, imma, l-importanti hu li, din id-darba, mhux se jerġa’ jitkellem Sven Spagnol.

Se nitkellem jien.

U allura, skużawni, imma se jkolli nerġa’ nibda mill-bidu (Tqaħqiħa).

Issa: X’tagħmel li kieku tkun kittieb u ma tkunx tista’ tikteb?

Imma, le. Irridu nibdew mill-bidu bidu. Jew se ngħidu kollox jew xejn.

Il-bidu bidu suppost kellu jkun it-tmiem tiegħi.

Il-verità hi li Stessi ma kellix narah ippubblikat.

Fil-perjodu bejn l-editjar u l-ippubblikar tiegħu, għal raġunijiet li mhumiex tiegħi biex nikxef, iddeċidejt li mmut. U kważi rnexxieli. Imma għadni hawn. U li għadni hawn hija importanti ħafna, għax kieku m’hawnx Ħassartek lanqas. U lanqas fil-forma li jinsab fiha ...


Iktar informazzjoni dwar Ħassartek

Read More
Matthew Schembri Matthew Schembri

Matt? F’idejk ta! Issa veru wasalna …

Matthew Schembri ftit ġimgħat oħra se jagħmel id-debutt tiegħu bħala awtur ta’ rumanz għall-adolexxenti. U f’dil-bloggata tana l-emozzjonijiet tiegħu f’dal-jiem qabel joħroġ ir-rumanz tiegħu Stessi, rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Żgħażagħ.

Matthew Schembri ftit ġimgħat oħra se jagħmel id-debutt tiegħu bħala awtur ta’ rumanz għall-adolexxenti. U f’dil-bloggata tana l-emozzjonijiet tiegħu f’dal-jiem qabel joħroġ ir-rumanz tiegħu Stessi, rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Żgħażagħ.

/

Ej! Jiena Sven Spagnol, jew Spagu, kif jgħidli kulħadd. Jekk se taqraw Stessi (nispera), tat-tali Matthew (jew Matt, kif jgħidlu kulħadd) Schembri, se ssiru tafuni.

Owkej imma nimmaġinakom qed tistaqsu, “U int kif iddeffist hawn flok l-awtur?”

Għandkom raġun.

Għax meta l-Merlin qalulu biex jikteb bloggata dwar l-esperjenza tiegħu fil-kitba ta’ Stessi

*ĦATAFHOM FIL-KELMA*

L-eroj!

Biex imbagħad weħel f’writers’ block minn hawn u faċċata, ma kienx jaf x’se jaqbad jikteb … (“għax eċitat ħafna li l-ewwel ktieb tiegħi se jiġi ppubblikat”; “mill-Merlin!”; “għax għadni ma nistax nemmen”; “għax ippanikjat”; “għax ma nafx x’se naqbad nikteb” … Ajma xi drama!)

Bħas-soltu, waddabha fuqi. Mela l-ewwel rebaħ il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2016 bis-saħħa tiegħi. (“Għidilhom li jiġi organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb …” Iva, owkej Matt, marelli x’fittaġni.) U wara li l-manuskritt ħaduh f’idejhom il-Merlin (“għall-erwieħ!”), Matt spiċċa bħal f’ħolma …

Sakemm beda l-proċess tal-editjar u malajr stenbaħ! (“Għidilhom li tgħallimt wisq mingħand Kristina u Chris”— u ġenninhom, ibqgħu fuq kliemi.)

Żarrat tnejn ukoll, ħa nikxfu.

“Sven!”

U ijja, Matt, relax. Wara jiem u ljieli sħaħ jaħseb; jikteb; jiddiskuti; jeditja; jibgħat u jirċievi l-emails; idur l-abbozz u jerġa’ jduru u jerġa’ jdu–

DAQSHEKK! qalulu. Alleluja!

Issa, ħija, ir-rumanz irid jiġi ppubblikat. Għax jiena, flimkien ma’ sħabi u l-familjari tiegħi ma nistgħux nibqgħu nitwaddbu minn folder għall-ieħor, minn email għall-oħra … imma rridu nispiċċaw fi ktieb “ta’ veru”, imqassam fil-ħwienet u l-libreriji.

Għandi ġenn u anzjuż daqs Matt (ħaħa, impossibbli!) biex Stessi jiġi stampat, joħroġ għall-bejgħ u jiġi f’idejkom biex taqrawh.

Sakemm niltaqgħu, komplu stessjaw u aqraw!

Sven Spagnol (Spagu)

Ħolqa: https://merlinpublishers.com/guest-po...

Stessi issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/... fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!

Read More