Matt? F’idejk ta! Issa veru wasalna …
Matthew Schembri ftit ġimgħat oħra se jagħmel id-debutt tiegħu bħala awtur ta’ rumanz għall-adolexxenti. U f’dil-bloggata tana l-emozzjonijiet tiegħu f’dal-jiem qabel joħroġ ir-rumanz tiegħu Stessi, rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Żgħażagħ.
/
Ej! Jiena Sven Spagnol, jew Spagu, kif jgħidli kulħadd. Jekk se taqraw Stessi (nispera), tat-tali Matthew (jew Matt, kif jgħidlu kulħadd) Schembri, se ssiru tafuni.
Owkej imma nimmaġinakom qed tistaqsu, “U int kif iddeffist hawn flok l-awtur?”
Għandkom raġun.
Għax meta l-Merlin qalulu biex jikteb bloggata dwar l-esperjenza tiegħu fil-kitba ta’ Stessi –
*ĦATAFHOM FIL-KELMA*
L-eroj!
Biex imbagħad weħel f’writers’ block minn hawn u faċċata, ma kienx jaf x’se jaqbad jikteb … (“għax eċitat ħafna li l-ewwel ktieb tiegħi se jiġi ppubblikat”; “mill-Merlin!”; “għax għadni ma nistax nemmen”; “għax ippanikjat”; “għax ma nafx x’se naqbad nikteb” … Ajma xi drama!)
Bħas-soltu, waddabha fuqi. Mela l-ewwel rebaħ il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ 2016 bis-saħħa tiegħi. (“Għidilhom li jiġi organizzat mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb …” Iva, owkej Matt, marelli x’fittaġni.) U wara li l-manuskritt ħaduh f’idejhom il-Merlin (“għall-erwieħ!”), Matt spiċċa bħal f’ħolma …
Sakemm beda l-proċess tal-editjar u malajr stenbaħ! (“Għidilhom li tgħallimt wisq mingħand Kristina u Chris”— u ġenninhom, ibqgħu fuq kliemi.)
Żarrat tnejn ukoll, ħa nikxfu.
“Sven!”
U ijja, Matt, relax. Wara jiem u ljieli sħaħ jaħseb; jikteb; jiddiskuti; jeditja; jibgħat u jirċievi l-emails; idur l-abbozz u jerġa’ jduru u jerġa’ jdu–
DAQSHEKK! qalulu. Alleluja!
Issa, ħija, ir-rumanz irid jiġi ppubblikat. Għax jiena, flimkien ma’ sħabi u l-familjari tiegħi ma nistgħux nibqgħu nitwaddbu minn folder għall-ieħor, minn email għall-oħra … imma rridu nispiċċaw fi ktieb “ta’ veru”, imqassam fil-ħwienet u l-libreriji.
Għandi ġenn u anzjuż daqs Matt (ħaħa, impossibbli!) biex Stessi jiġi stampat, joħroġ għall-bejgħ u jiġi f’idejkom biex taqrawh.
Sakemm niltaqgħu, komplu stessjaw u aqraw!
– Sven Spagnol (Spagu)
Ħolqa: https://merlinpublishers.com/guest-po...
Stessi issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/... fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!