Ċerti ideat ma jorqdux (ir-raba’ parti)
Ir-raba’ bloggata dwar Il-Missjoni tal-Mostru (Ta' Taħt Fuq, #1), ippubblikat minn Merlin Publishers.
Wara
L-2022. Il-Marsa. Wara ma nafx kemm-il darba editjajt il-manuskritt –
*
niftakar, darba minnhom, jien u nieħu banju, wara ġurnata kitba/editjar, għaddieli ħsieb minn moħħi: b’dan l-ewwel ktieb, kont ħloqt mostru. Allura, il-kumplament ġie waħdu: il-kitba tiegħu, kienet missjoni.
*
staqsejt lil Chris jixtieqx jaqrah. Aċċetta u bgħatthulu. L-iktar ħaġa li kienet qed tħassibni kien l-ammont ta’ paġni tal-manuskritt: ’il fuq minn 400 waħda. Mill-bqija, ħassejtni kunfidenti ħafna bix-xogħol, għax, f’għajnejja, dak iż-żmien, ħassejt li kont qed nagħti l-aħjar prodott li stajt nagħti.
Imma kemm hu sabiħ li niddiludu ruħna …! Inkella, nibqgħu inteftfu f’manuskritt sakemm immutu!
Ġranet wara, Chris bagħatli l-feedback tiegħu dwaru. Fi ftit kliem, il-manuskritt obliterah. Verament, obliterah bil-kritika kostruttiva, imma, obliterazzjoni, obliterazzjoni tibqa’. Għalkemm tbenġilt, ma tmeżmiżtx. Anzi, kritika kostruttiva bħal din inkun għatxan ħafna għaliha, għax, għall-ewwel qarrej tiegħi (li tistgħu tissaponu min hu), xogħli dejjem hu kapolavur, u din ma tgħinx.
Skont Chris, il-manuskritt kien jonqsu ħafna xogħol. Jien kont lest li nxammar il-kmiem. Chris issuġġerieli li naħdem ma’ editur u, talabni biex, wara l-editjar, nerġa’ nkellmu. Semmieli xi edituri li jien stess kont naf u nammira.
Ġranet wara, bgħatt email lil Noel (Tanti), u għedtlu li xtaqtu jkun l-editur tal-Missjoni.
Bi pjaċir kbir għalija, aċċetta.
*
Waħda mill-ewwel mistoqsijiet li staqsieni Noel kienet: x’inhuma l-influwenzi tiegħek vis-a-vì dan il-manuskritt?
Minn fejn kont se nibda? Dan ix-xogħol kien influwenzat minn Shakespeare sa Stranger Things.
*
F’diversi intervisti, Margaret Atwood tgħid li l-ikbar erba’ għejun li kittieb jista’ jixrob minnhom huma l-Bibbja, Shakespeare, il-mitoloġiji u l-ħrejjef. B’hekk, jien ippruvajt naqra kemm nista’ minn dawn kollha. Fil-fatt, meta ma nħossnix “ispirat”, nirrikorri dritt għall-mitoloġija Griega (kif jixhdu ċerti ismijijiet mill-karattri ta’ dan il-ktieb). Fejn jidħol il-plott, imbagħad, tinħass iktar l-influwenza ta’ Shakespeare (Romeo and Juliet). U –
Nerġgħu lura għall-2018.
Mark Vella, wieħed mil-letturi tad-Diploma fil-Letteratura Maltija (propjament, tat-taqsima-studju bl-isem In-Narrattiva fil-Gazzetti u l-Faxxikli), jassenjalna l-assenjament aħħari. Jiena, dejjem b’din l-idea tal-kwartett tberren f’moħħi, tlabtu permess biex l-assenjament nagħmlu fuq Ħrejjef Missirijietna (1994) ta’ Manwel Magri.
Fuq ħafna livelli, dawn il-ħrejjef (u xi ħrejjef, iktar minn oħrajn), jistgħu jitqiesu bħala l-fondazzjoni ta’ Ta’ Taħt Fuq. Biżżejjed taqraw id-deskrizzjoni ta’ Gideon Pandorandru, imbagħad tħarsu lejn l-illustrazzjoni tax-xwejjaħ ta’ fuq il-qoxra (ta’ Peter Portelli) tal-ktieb ta’ Magri, u, speċjalment lejn dawk il-ħuġbejn twal twal – biex tintebħu b’din l-influwenza!
Madanakollu, bla ebda dubju, il-Bibbja ta’ din is-serje kien, (u hu ppjanat li jibqa’), il-ktieb tal-2010 ta’ Siddhartha Mukherjee, The Emperor of All Maladies: A Biography of Cancer (u, jekk taħsbu li qed nesaġera dwar kemm ilha tberren f’moħħi din l-idea, hawnhekk għandkom issibu traċċa dokumentata f’filmat!). Fit-tieni post, imbagħad, insibu Illness as Metaphor (1978) ta’ Susan Sontag.
*
Il-Missjoni tal-Mostru hu ktieb referenzjali – ħafna. U, dan, sar b’mod konxju.
Mill-2011 ’il quddiem, waqt li kont qed nistudja l-arti fl-università, sibt affinita kbira max-xogħol ta’ Nicolas Bourriaud. Fix-xogħol seminali tiegħu tal-2002, Postproduction: culture as screenplay: how art reprograms the world, Bourriaurd jargumeta li l-arti tal-postproduzzjoni toqrob ħafna lejn it-tekniki varji tad-DJ kontemporanju jew tar-remixer, fejn l-artist jagħżel mill-oġġetti li ġa jeżistu u jużahom jew jimmodifikahom skont intenzjoni speċifika.
Imma, inħoss, li, minn ċertu żmien ’l hawn (ejja ngħidu, minn post-Stranger Things ’l hawn), l-artist (f’termini wiesa’), mhux biss kien referenzjali, imma kien espliċitament referenzjali. Hekk ukoll nagħmel jien f’dan il-ktieb: id-dinja – jew aħjar, l-univers – kien – hu – għalija bħal ħanut kbir li nista’ nisraq minnu – xi drabi, mhux mingħajr konsegwenzi.
*
L-editjar tal-Missjoni seħħ bejn l-2022 u l-2023, bejn il-Marsa u Pariġi (waqt residenza letterarja ġewwa s-Cité internationale des arts), bejn proġett u ieħor – xi ħaġa li drajt nagħmel (jew aħjar, xi ħaġa li kelli nidra nagħmel). Saru tliet edits maġġuri u xi tnejn oħra minuri. Kien hemm kapitlu minnhom kien ħabbatna mhux ħażin (dejjem ikun hemm dak il-kapitlu).
In-numru tal-paġni rnexxielna nnaqsuhom bin-nofs.
*
Waħda mill-affarijiet li niftakar għamilt verament lejn l-aħħar tal-proċess tal-editjar kienet it-tranżizzjoni mill-kapitli għall-episodji. Irrealizzajt, li, dan il-ktieb, iktar kont ktibtu bħala direttur, milli bħala kittieb. Darba, jien u nirrifletti (xi ħaġa li, kif qed taraw, nagħmel ħafna) dwar għalfejn, fil-kitba, nirrikorri l-iktar għall-ġeneru tal-fantasija (u, fl-arti viżiva, għall-media tal-istallazzjoni), wasalt għal din il-konklużjoni: jien inħobb noħloq dinjiet kompletament tiegħi (fi kliem iktar dirett, f’xogħli, jiena control freak).
U, la t-televiżjoni jista’ jiħdilna l-kapitli, għaliex aħna m’għandniex noħdulu l-episodji?
*
Meta Noel u jien lestejna mill-editjar, Chris żamm kelmtu u reġa’ qara l-manuskritt. Ġranet – u ħafna eċitament – jew aħjar, taqtigħ il-qalb – wara, qlajt wieħed mill-isbaħ rigali li stajt naqla’ f’għeluq it-30 sena tiegħi: Il-Missjoni tal-Mostru kien se jaslilkom bit-tikketta merlin!
*
L-2024. Waqt attività oħra merlin, din id-darba Kutri u Kotba (Letteratura Xitwija), ġewwa l-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt. Chris stedinni biex naqra silta mill-Missjoni (li, issa, fil-fatt, konna iktar qed nirreferu għalih bħala Mostru).
Qabel ma introduċieni, kien qal li l-ktieb hu żvilupp ta’ Stessi. Naqbel miegħu.
Ngħidu aħna, jekk fi Stessi ħarġet l-imħabba kbira tiegħi lejn il-kuluri, f’dan ħarġet ukoll l-imħabba kbira tiegħi lejn l-annimali, il-films u l-mużika.
*
Mistoqsija li ħafna jistaqsu lil min ikun tilef lil xi ħadd għażiż għalih – u, li, ħafna drabi, dawn jistaqsu lilhom infushom ukoll – hi: kif toħroġ minn fażi bħal din?
Ara, jiena naraha hekk: il-mewt ta’ ommi kienet – għadha – ferita. Ferita fuq ġismi, ferita fis-sema. Fieqet, għalqet, imma xi drabi, bħal-lum, terġa’ tinfetaħ.
Tgħid, xi darba, għad nieqaf nikteb dwarha?
Ma nafx.
Li naf hu li, min-naħa tiegħi, kienet għażla konxja li, f’dan il-proġett, ninħeba wara allegorija – tant, li, ħafna qarrejja, wara n-nemex ilellxu ħodor u l-vinarji mdellka ħodor-suwed, jaf lanqas biss jintebħu biha (sakemm ma jaqrawx din il-bloggata!)
Li rrid ngħid hu, li, din l-għażla kienet waħda egoistika, biex, waqt li nikteb dwar xi ħaġa li ma riditx torqod, nipproteġi lili nnifsi minn kitba bħal din li qed taqra bħalissa.
Dan il-ktieb, dan il-kwartett, hu (u għandu jkun) ittra ta’ mħabba lil ommi. Imma wkoll, ringrazzjament – u fuck you – lill-kanċer. Mingħajr it-tnejn ’l huma, dan il-proġett ma kienx ikun possibbli.
Imma bil-Malti jgħidu: kelb rieqed la tqajmux. U, xi kultant, insib ruħi nistaqsi lili nnifsi: tgħid, b’din il-ħidma kollha fuq dan is-suġġett, qed nilgħab man-nar?
*
Imbagħad ir-rutina tas-soltu: il-qari tal-provi, id-disinjar tal-qoxra …
U, issa li wasslet il-pubblikazzjoni, is-sentimenti – tas-soltu – ukoll: ferħ, eċitament, u biża’ …
*
Verament, ċerti ideat ma jorqdux.
U, forsi għalhekk ukoll, ċerti kotba huma kumplessi iktar minn oħrajn.
*
Kif qed taraw, dwar dan il-ktieb, kelli (u għandi) ħafna xi ngħid. Allura, nieħu gost ħafna, li, jekk ikollkom xi mistoqsijiet, tistaqsuhomli hawnhekk. Ukoll, kull riċensjoni tkun apprezzata ferm. Imma, qabel dan, grazzi kbira talli qed taqrawni – u, jekk se taqraw il-ktieb, grazzi ikbar!
Ix-xewqa tiegħi hi li, għalikom, dan ma jkunx biss ktieb, imma esperjenza.
U bilħaqq!
Fil-paġni tal-bidu, għandkom issibu QR Code. F’idejkom biex tiskopru fejn se toħodkom!
*
Ħolqa: https://merlinpublishers.com/certi-ideat-ma-jorqdux-ir-raba-parti/
Il-Missjoni tal-Mostru (Ta’ Taħt Fuq, #1) issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/il-missjoni-tal-mostru-1/ fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!