Ċerti ideat ma jorqdux (it-tielet parti)
It-tielet bloggata dwar Il-Missjoni tal-Mostru (Ta' Taħt Fuq, #1), ippubblikat minn Merlin Publishers.
Waqt
L-2020. L-eqqel tas-sajf. U tal-pandemija. Fuq il-laptop, għandi skeletru – fetu ta’ skeletru – tal-Missjoni, kif konna (u, ġieli, għadna) nirreferu għalih. Niftakarni ndur u nagħqad fit-toqba li jien u missieri konna spiċċajna noqogħdu fiha, il-Ħamrun. Niftaħ u nagħlaq il-kotba. U ndur u nagħqad …
Fl-aħħar, inpoġġi.
U nibda.
Xi darba trid tibda.
*
“L-ispirazzjoni” ma nemminx fiha. Infatti, nista’ ngħid, li, meta bdejt naħdem fuq il-Missjoni, ma kontx “ispirat” (fil-fatt, jaf din kienet raġuni oħra għalfejn mort lura għal idea tal-passat). Inħoss li dan hu punt importanti ħafna li nqajjem, speċjalment bħala persuna kreattiva, li, wisq probabbli, qed tinqara minn persuni kreattivi oħra.
Madanakollu, nemmen li l-kitba hi bħal kull xogħol ieħor, u, bħal kull ħaddiem ieħor, il-kittieb ikollu ġranet tajbin u ġranet inqas tajbin, ġranet tajbin ħafna (jew ħafna) u ġranet inqas tajbin ħafna (jew ħafna, ukoll).
Infatti, fl-ippjanar tal-Missjoni, niftakar sewwa meta kelli waħda minn dawn il-ġranet tajbin ħafna. Dakinhar, ġietni l-idea tan-nemex ħodor ta’ Camilla.
Dak iż-żmien, qed ngħidu għall-ħabta tal-2019, konna qed noqogħdu Ħal Qormi, f’post fuq u isfel; kont f’nofs il-kors tad-Diploma fil-Letteratura Maltija; u kont qed nirkupra bil-mod – bil-mod ħafna – mis-sintomi tal-fibro, li, sa fl-aħħar, xi xhur qabel, it-tobba kienu qatgħuha li kelli. Kelli bżonn ħafna mistrieħ, tant li kelli nieħu pawża ta’ xhur mill-kors u nqatta’ l-maġġorparti tal-ġranet mimdud fis-sodda.
Imma x’tagħmel b’xi ħadd li ma jafx joqgħod bi kwietu?
Xejn.
Allura, meta kont inkun niflaħ, is-sigħat fis-sodda kont inqattagħhom naħseb u nippjana, speċjalment dwar il-plott tal-kwartett. Fil-qagħda li kont fiha, missieri ma setgħax iħallini ħafna waħdi u kont nagħmel is-sigħat niddiskuti miegħu (il-propja idjoma hi: nixroblu moħħu, litteralment!) l-istorja, sal-inqas dettall.
Barra dik il-mistoqsija bikrija dwar l-antropomorfizzar tal-kanċer, niftakar li, fejn jidħol dan il-proġett, kelli mistoqsija oħra li okkupatli – u għadha tokkupali – moħħi: x’jagħmel l-elementi ta’ ktieb (ix-xeni, il-karattri, l-ambjent, eċċ.) jinqalgħu mill-paġni tiegħu u jsiru parti mill-kultura popolari? Din il-mistoqsija tista’ wkoll tiġi applikata għal forom oħra ta’ arti, bħall-films jew il-kanzunetti – preokkupazzjonijiet oħra ta’ dan ix-xogħol.
Għamilt ħafna riċerka – minn kull tip ta’ ktieb dwar il-kanċer u l-fantasija, sat-temp u ż-żoos – u tgħallimt ħafna.
Imma nħoss li l-ikbar sejba tiegħi (jew aħjar, l-ikbar aċċertament tiegħi, għax, fil-fatt, din ma kienet sejba kbira xejn u jien ġa kelli xamma kbira tagħha), kienet li l-iktar elementi letterarji importanti huma … il-karattri. Dawn, dejjem skonti, huma x-xi ħaġa komuni bejn l-istejjer kollha li ħafna minnha verament – imma, verament – inħobbu u ngħożżu.
B’hekk, bi ħsieb konxju, ħdimt ħafna fuqhom (tant, li, jekk iħabbat il-bieb tad-dar, u, meta mmur niftaħ, insib lil xi ħadd minnhom quddiemi, ma ninħasadx).
U, fost il-karatteristiċi li jagħmlu karattru, biex ngħidu hekk, “ikoniku”, hemm, biex nagħti eżempju wieħed biss, id-dehra fiżika tiegħu jew tagħha (jew aħjar, b’mod iktar speċifiku, l-eċċentriċitajiet fiżiċi tiegħu jew tagħha). Ngħidu aħna, meta nsemmi ’l Harry Potter, hemm ċans kbir li l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħkom tkun n-nuċċali bil-lentijiet tondi tondi; jew iċ-ċikatriċi forma ta’ sajjetta ta’ fuq moħħu.
Imma jien, f’dan il-proġett, ma ridtx nistudja l-arketipi u daqshekk. Ridt nikser (jew aħjar, ngħawweġ) ir-regoli wkoll. Eżempju f’waqtu: Camilla hi tfajla (din jaf ma tidhirx ksur ta’ regola, speċjalment illum il-ġurnata, imma fil-fatt, meta tħares lejn l-istorja tal-protagonisti ta’ stejjer fantastiċi, hi).
U, bħal Harry, fil-bidu nett, Camilla kien se jkollha marka waħda biss li tarmi d-dawl aħdar minn ġo fiha, ispirata mir-radioactive waves ta’ Marie Curie. Imma jien, hemm, mimdud fis-sodda fil-post ta’ Ħal Qormi, kont għadni mhux kuntent b’dan l-eżitu. Allura, ħabbat rasek m’hawn u kissirha minn hemm –
Ewreka!
In-nemex!
Dakinhar, jekk mhux qed nimmaġina, kien irnexxieli nqum bilwieqfa fuq is-sodda.
*
B’hekk, il-Missjoni beda jinkiteb waqt il-pandemija (forsi din hi waħda mir-raġunijiet għalfejn ħafna minnu hu ambjentat ġewwa u, speċifikament, f’Dar il-Weraq); lejn tmiem il-kors tad-Diploma fil-Letteratura Maltija u bejn l-editjar ta’ Ħassartek.
Sal-2022, din kienet ir-rutina: inqum. Nikteb. Nerġa’ nikteb. Neditja (jiena neditja waqt li nikteb). Niekol. Nerġa’ nikteb. Nerġa’ neditja. Ninħasel. Norqod –
U, meta xi drabi moħħi kien jgħejja, jien u missieri konna nilbsu l-maskri u nerħulha nimxu madwar il-post tal-Ħamrun.
*
U, meta kont inkun niflaħ ftit iktar, konna ninżlu fil-kċina jew noħorġu fit-terazzin, noqogħdu madwar il-mejda ta’ tnejn, u nkomplu niddiskutu l-istorja hemmhekk. Fuqi, jien, dejjem kien ikolli l-expanding file l-iswed bil-pockets tal-qawsalla (jekk trid issir taf xi sigriet dwar il-kwartett, minn hawn trid tibda!) li fuqu kont inserraħ il-karti bojod. Fuqhom, b’biros ta’ kuluri differenti, kont nikteb u nħażżeż l-ideat kollha li kien ikolli. U, għamilt żmien, dawn id-diskursati kont anki nirrekordjahom fuq il-mowbajl.
*
Waħda mill-osservazzjonijiet interessanti li għamilt wara t-telfa t’ommi kienet li, esperjenzi bħal dawn, għandhom is-saħħa jsaħħu familja – jew ikissruha; għandhom is-saħħa jbiegħduna minn persuni u jressquna iktar t’ oħrajn.
*
Fil-fatt, dawn il-konverżazzjonijiet, li, ħafna drabi, kienu jibdew taħt sema blu nir u jispiċċaw biss meta jibda jigdem n-nemus, huma fost l-iktar memorji sbieħ li għandi ta’ missieri.
[tkompli …]
Ħolqa: https://merlinpublishers.com/certi-ideat-ma-jorqdux-it-tielet-parti/
Il-Missjoni tal-Mostru (Ta’ Taħt Fuq, #1) issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/il-missjoni-tal-mostru-1/ fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!