Ċerti ideat ma jorqdux (it-tieni parti)

It-tieni bloggata dwar Il-Missjoni tal-Mostru (Ta' Taħt Fuq, #1), ippubblikat minn Merlin Publishers.



Qabel (it-tieni parti)

L-2015. Kelli 21. L-uġigħ li ommi kienet ilha tħoss f’idejha, jintensifika. It-tabib tal-familja kien ilu li ordnalha biex tieqaf tqandel (hi xorta baqgħet) u għamlilha appuntament biex tagħmel operazzjoni fil-poloz t’idejha. 

Imma, jien – u intom – nafu r-raġuni vera x’inhi.

Irritorna.

U déjà vu (ikrah minn ta’ qabilha? Ma nafx). Tabiba. Sptar. Testijiet. Riżultat. Malli ommi waqfet tieħu l-pirmla tar-remission, il-cancer sploda: f’sidirha tax-xellug, tal-lemin, fl-għadam, kullimkien … Niftakarni nkun kattiv magħha, nispjegalha r-riżultat sal-inqas dettall – ridtha tkun taf b’kollox – sakemm talbitni biex nieqaf. 

Kont qed nagħmel sew?

Ma nafx, lanqas.

*

Fl-istess sena, niftakarni nara powst fuq Facebook tirreklama l-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Żgħażagħ. Sena qabel, niftakar lil Leanne (Ellul) tirbħu, li wkoll kont (u għadni) ammiratur, kollega u ħabib kbir tagħha. Jekk mhux sejjer żball, dak iż-żmien ried ikollok 20 sena biex tieħu sehem fih (imma naħseb li, fil-fatt, sejjer żball, għax 18 iktar iddoqq). Hu x’inhu, iddeċidejt li nieħu sehem. 

U l-idea tiegħi kompliet tikber, tiżviluppa: minn novella, saret rumanz għaż-żgħażagħ, bl-isem ta’ KAN KER. Dak iż-żmien, il-bidla fl-udejnza-mira – mill-adulti għaż-żgħażagħ – kont rajtha tagħmel ħafna sens, għax, fl-aħħar mill-aħħar, meta ommi qabadha kanċer, id-darbtejn li huma, jiena kont żagħżugħ. 

Il-Junior College, jew l-Univeristà – mhux ċert – niftakarni naqra dwar Edvard Munch, dwar kif ħajtu kienet mifnija bil-mard u l-mewt, u, b’hekk, f’moħħu, dawn tħalltu mal-iżvilupp jew mal-imħabba. Naħseb xi ħaġa simili ġrat lili wkoll. 

Dik is-sena, il-manuskritti rebbieħa kienu Il-Kulur tal-Lellux ta’ Rita Saliba u Termini u Kundizzjonijiet Japplikaw ta’ Roberta Bajada – kittieba li, illum, jinsabu wkoll fil-lista ma’ Nadia u Leanne. 

Dakinhar, wara ċ-ċerimonja, niftakarni mmur lura d-dar ma’ missieri –

*

ommi kienet mietet fid-19 ta’ Novembru tal-istess sena (b’“attakk tal-qalb”, imma lkoll nafu biex) –

*

niftakarni ngħidlu li l-idea li kelli kienet wisq ambizzjuża u li kelli nibda naħdem fuq idea oħra. 

Minn dik il-lejla stess, bdejt naħdem fuq Stessi

*

Sena wara, fl-2016, Stessi jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ, flimkien ma’ (Ri)ġenerazzjoni ta’ Antoinette Borg. 

Qabel iċ-ċerimonja, jien u missieri konna morna l-ġonna ta’ San Anton, il-post li kont (u għadni) nirrikorri għalih meta nħossni mentalment għajjien. Dakinhar, kont għajjien fiżikament ukoll, imma t-tobba kienu għadhom ma waslux għad-dijanjożi tal-fibromyalgia. Kont ilbist il-qmis il-lelà kkaxxjata bil-vjola, ix-xalla kafellatte u xi jeans. Xagħri iswed kien twil sa geddumi, bil-highlights kannella. Tant kont qtajt qalbi li nasal xi mkien fil-kitba, tant kont għajjien, li lanqas biss konna sejrin għaċ-ċerimonja. 

Sentejn wara, fl-2018, Stessi jiġi ppubblikat minn Merlin Publishers.

Wara, il-famuż “writer’s block”.

Dan ġie dokumentat sew (pereżempju, f’din il-bloggata), u, allura, hawnhekk, mhux se nidħol fih. Kull mhu se ngħid hu, li, għalkemm ma stajtx nikteb, stajt inħassar. U nimmaġina.

U, l-idea, kompliet tikber u tiżviluppa: issa, minn rumanz, saret serje ta’ erba’ kotba (dak iż-żmien, kont għadni minix ċert jekk kontx se nsemmiha Ta’ Taħt Fuq), wieħed għal kull stadju tal-kanċer. 

B’hekk, barra l-format innifsu, l-iżvilupp tal-format ta’ din l-idea jirrifletti t-tema tiegħu. 

*

U lura għall-2018, waqt attività merlin – Ktieb u Tazza Nbid – waqt il-festival tal-ktieb. Dakinhar, kont qrajt minn Stessi għall-ewwel darba fil-pubbliku. Niftakar, qabel tlaqna mid-dar, kont ħsilt xagħri – issa itwal minn tal-2016, u sewda kollha kemm hi – u baqgħetli mxarrba. Niftakar li kont ilbist flokk iswed b’ħafna żippijiet meħjuta f’postijiet strambi. Niftakarni mdejjaq għax ħadd minn ħuti (tnejn bniet) ma kien ġie jarani. Fl-istess attività, Simon Bartolo – Simon Bartolo tal-Fiddien! – qara minn manuskritt dwar kreatura tal-bir, u niftakarni ninkwieta li l-idea tiegħi kienet tixbah ħafna lil tiegħu.

Dakinhar, qabel tlaqna mill-festival, kont għedt lil Kristina Chetcuti – l-editriċi ta’ Stessi – li kelli idea għal serje ta’ kotba. Niftakarha tgħidli, “Agħti ċans” – jew xi ħaġa simili.

Ridt jew ma ridtx, hekk kelli nagħmel.

[tkompli …]


Ħolqa: https://merlinpublishers.com/certi-ideat-ma-jorqdux-it-tieni-parti/


Il-Missjoni tal-Mostru (Ta’ Taħt Fuq, #1) issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/il-missjoni-tal-mostru-1/ fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!

Previous
Previous

Ċerti ideat ma jorqdux (it-tielet parti)

Next
Next

Ċerti ideat ma jorqdux (l-ewwel parti)