Ċerti ideat ma jorqdux (l-ewwel parti)

L-ewwel bloggata dwar Il-Missjoni tal-Mostru (Ta' Taħt Fuq, #1), ippubblikat minn Merlin Publishers.



Qabel (l-ewwel parti)

Ċerti ideat ma jorqdux. 

*

Il-Ħamis 16 ta’ Lulju 2009. Kelli 16-il sena. Ommi u missieri jħalluni għand oħti ż-żgħira (li, fil-fatt, ma kienet żgħira xejn, għax kienet 13-il sena ikbar minni), biex imorru għand it-tabiba. Ġurnata qabel, ommi kienet innutat xi ħaġa differenti f’sidirha tax-xellug. Malli invistata, it-tabiba bagħtitha dritt fi sptar privat, biex tagħmel it-testijiet. Wara, lura għandha. Jien u oħti (li, dak iż-żmien, kellha tarbija ta’ ftit xhur), niftakarna ras maqtugħa. Niftakar ħafna telefonati, ma’ ħafna nies differenti. U, dakinhar, niftakar tant infxilna, li sa n-neputi waqgħalna minn fuq is-sodda.

Meta ommi u missieri ġew lura għand oħti, niftakar lil ommi liebsa top roża metalliku, dublett twil-goff u żarbun bit-tkaken – it-tnejn ta’ sfumaturi kannella. Ommi, mara vanituża għall-aħħar, naħseb żgur tkun kburija ħafna bija li bqajt niftakar propju dawn id-dettalji.

Dakinhar, sirna nafu li ommi kellha kanċer tas-sider. Stage 4.

Niftakar li kienu ġew xi zijjiet. Niftakarni nibki, nolfoq, jien u ngħannaqha bis-saħħa, ma rridx nitlaqa’ minn miegħi, qisu, jekk nagħmel hekk, kienet se tmut hemm, quddiemi.

Għalija, dak iż-żmien – u forsi anki llum – il-kelma kanċer (kienet) tfisser mewt.

Iż-żmien kellu jtini raġun.

Ommi tmut sitt snin wara.

*

Meta morna lura d-dar, u dorna madwar il-mejda, ħassejt li ma bqajniex iktar tlieta – ommi, missieri u jien. Issa, kien hemm xi ħaddieħor magħna, xi ħadd li ma kienx jidher, xi ħadd li ma kienx mistieden, imma, li, minn dakinhar ’il quddiem, kien se jibqa’ jgħix magħna, sakemm jirnexxielu joqtol lil ommi. 

B’hekk, dakinhar ukoll, nibtet idea f’moħħi: il-kanċer bħala uman. 

Li kieku l-kanċer kien uman, min kien ikun?

*

L-idea, għall-ewwel, ħadet format ċkejken ħafna: novella ta’ paġna/ġiex paġni kollox, bl-isem ta’ Il-Vampir Tiegħek (innota: il-kanċer, hawnhekk, ġa hu tip ta’ mostru). Fiha, il-kanċer jikteb ittra fejn jindirizza lilna, l-umani, u, wara li jgħidilna min hu, jgħid li hu hekk mhux għax irid hu. Din in-novella ġbartha ma’ numru ta’ novelli oħra li kont ktibt dak iż-żmien (qed ngħidu għal ħabta tal-2009), u l-manuskritt issottomettejtu għall-konkors merlin, #abbozz (99% Chris se jiskopri dan la jaqra din il-bloggata).

Niftakarni ġo kafetterija qrib il-Junior College, ma’ xi tlieta oħra minn sħabi tal-kors, waqt xi break jew free lesson, meta nirċievi l-email awtomatika mingħand il-merlin: il-manuskritt tiegħi ma kienx għamilha mal-finalisti. 

Id-diżappunt.

U komplejt ma’ sħabi.

Dik is-sena, il-manuskritt rebbieħ kien dak li llum hu l-ġmiel ta’ rumanz Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa ta’ Nadia Mifsud – ispirazzjoni kbira għalija dak iż-żmien; illum, barra minn hekk, kollega u ħabiba kbira tiegħi.

Madankollu, għal ftit ta’ żmien, waqaft nixtri kotba merlin.

[tkompli …]


Ħolqa: https://merlinpublishers.com/certi-ideat-ma-jorqdux-l-ewwel-parti/


Il-Missjoni tal-Mostru (Ta’ Taħt Fuq, #1) issa tista' tixtrih mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew online minn hawn: https://merlinpublishers.com/product/il-missjoni-tal-mostru-1/ fejn issib ukoll esklussivament silta mill-ktieb!

Previous
Previous

Ċerti ideat ma jorqdux (it-tieni parti)

Next
Next

id-diskors li ma nqarax: il-premju għall-aħjar awtur emerġenti 2022