id-diskors li ma nqarax: il-premju għall-aħjar awtur emerġenti 2022

ħolma.

bix-xieraq li dan id-diskors nibdieh b’din il-kelma.

għax kollox jibda b’ħolma.  

pawża  

u issa se naqralkom dan id-diskors.

naturalment, kelli nikteb.  

li nikteb.

il-bżonn li nikteb.

il-gost li nikteb.

il-mhux-gost li nikteb.  

sorpriża: hekk kont qed nagħmel meta  

14.10.22  

ċempel il-mowbajl. x’kien kien ħdejja?

hello.

hello. jien matthew borg mill-kunsill.  

ħsibt, irid isaqsini xi ħaġa dwar ħassartek.  

għandi aħbar sabiħa għalik, matthew.

inti  

     

onorat ħafna, niftakarni ngħid.

u, meta qtajt, inħares lejn l-iskrin tal-laptop.  

u nara li l-aħħar kelma li kont ktibt kienet rebbieħ.  

u kont wasalt f’paġna 22.  

matthew dakinhar kellu jimlieli l-lakuni ta’ bejniethom.

matthew, inti r-

flashback: 11-il sena  

forsi iżgħar

 

ġurnata magħluq f’kamarti. naqra qrempuċu f’belt il-ġobon.

għajnejja ma jistgħux ilaħħqu ma’ dak li qed jaqraw.

immeraviljat.

ċert.

 

xi darba rrid insir bħal trevor żahra.  

mhux kittieb.  

le, bħal trevor żahra.  

flashback: 14.10.22  

inti r-rebbieħ tal-premju għall-aħjar  

konxju ħafna li premju bħal dan huwa konfluwenza ta’ fortuna u opportunità.  

il-fortuna ma fiha xejn interessanti.

allura, ejja nitkellmu fuq l-opportunità.

ma nistax nagħmel dan mingħajr ma naħseb fl-aġenzija żgħażagħ.

f’taħżiż. f’leħen il-malti.  

imma ejja nitkellmu wkoll fuq ix-xogħol.

kif ċert li tafu intom, sħabi-kollegi, dan huwa xogħol iebes.

xogħol iebes ħafna.

u ħdimt fl-iebes għal ħafna ħafna snin.  

ħafna jħobbu jgħiduli l-frażi ‘għadek żgħir’.

jien qatt ma ħassejtni ‘żgħir’.

ma tistax tħossok żgħir meta tkun ilek  

flashback: minn 11 sa 22 sena  

tikteb manuskritt.

tibagħtu lil pubblikatur. ma jaċċettahx.

tikteb manuskritt. tissottomettih.

tikteb  — irrepeti.  

irrepeti.  

emmen fik innifsek.

imma jien, f’dan iż-żmien, ma kellix il-kuraġġ li nemmen fija nnifsi.

kont fortunat li sibt lil xi ħadd li tani dan il-kuraġġ mill-bogħod.

mara li għallmitni biex ma nibżax inkun u nikteb dak li jien.  

u emmint fija nnifsi.  

jien ma nemminx fl-ispirazzjoni, imma nemmen fid-dixxiplina. fil-perseveranza. jiena sempliċement inħobb nagħmel dak li nagħmel. sempliċement naħdem.

  nittama.  

sakemm.  

flashback: 2016  

tikteb manuskritt. tissottomettih għall-konkors ta’ kitba - letteratura għaż-żgħażagħ. jintgħażel.  

stessi.  

u hawn nerġgħu niltaqgħu ma’ dik il-kelma: opportunità.

aġenżija żgħażagħ. kunsill nazzjonali tal-ktieb. merlin publishers. chris gruppetta.

il-ferħ li tara l-ewwel ktieb tiegħek fuq l-ixkafef huwa ...  

2022

 

premjijiet bħal dawn jagħtuk l-impressjoni li tista’ tmiss is-sħab.

biss, premjijiet bħal dawn, ukoll, mhumiex tat-tajjar. huma tqal. tqal ħafna.

  flashback: 2021  

minn hawnhekk twieled ħassartek.

minn diversi bnadi oħra.

imma minn hawnhekk ukoll.

x’tagħmel meta ma tkunx tista’ tikteb?

minħabba dan il-piż? u ieħor fiżiku?

naturalment, tħassar dak li ktibt.

partijiet minn dak li ktibt.

u terġa’ tippubblikahom.  

l-opportunità, din id-darba: id-dipartiment tal-malti. il-kunsill malti għall-arti. studio solipsis. glen calleja.  

il-preżent  

mhux se nsemmi iktar ismijiet.

għax hemm ħafna.

hemm iktar milli qatt ħsibt li jista’ jkun hemm.

u ta’ dan ninsab tant grat li, jien u nikteb, inħoss qalbi se tinfaqa’.

nikkommovi ruħi meta naħseb fil-merħba sabiħa li tatni din il-komunità. intom.

u hawnhekk ma nistax ma naħsibx ukoll f’inizjamed.  

u ovvjament, il-bord tal-kunsill nazzjonali tal-ktieb.  

kont tal-fehma li mhux għaqli li toħroġ ktieb-esperiment.

il-bord, b’dan il-premju, qed jurini mod ieħor.

bih inħossni li, kreattivament, nista’ nagħmel li rrid.

tal-inqas, qabel ikellimni l-editur ... u d-disinjatur ... u l-qarrej tal-provi. u –

fhimtuni.  

u, ovvjament, ma nistax ma naħsibx ukoll fil-ġurija.  

flashback: 2021  

ħassartek jiġi nnominat fil-kategorija tal-poeżija u  

il-preżent  

nixtieq ngħid li din in-nominazzjoni fissret – tfisser – iktar mid-dinja għalija.

li xogħli ġie mpoġġi biswit dak ta’ tliet ġganti – nadia, norbert, is-sur england – u meta jien għadni biss fetu, ifisser l-univers għalija.  

allura tistgħu forsi timmaġinaw kif qed inħossni b’dan l-unur.  

awtur emerġenti.

il-kelma ‘awtur’ m’iniex ċert minnha.

imma, iva, ‘emerġenti’ tinstema’ – hi – ħafna iktar sabiħa minn ‘stabbilit’.  

inħossni onorat iktar meta niftakar fl-ismijiet ta’ dawk li kisbuh qabli.

konxju li hawn ħafna nies li għandhom jiġu rikonoxxuti u ma jiġux.

b’hekk, nittama li kliemi, xogħli, huwa u se jkun denju ta’ premju bħal dan.  

bl-għoti ta’ dan il-premju, inħoss ukoll il-piż li ġa għamilt referenza għalih ftit ilu.

inwegħedkom li dan se nġorru bl-ikbar responsabbiltà.

liema responsabbiltà nittama li ma xxekkilnix f’xogħli.

għax m’għandix iktar xi nħassar.  

u nħoss li r-responsabbiltà li għandi hija l-ikbar lejn kittieba iżgħar minni. emerġenti bħali.  

u nħoss li rridu nagħmlu aktar.

naf li l-kunsill qed jagħmel u għamel ħafna u ta’ dan grat u nibqa’ grat li ma ngħidx.

konxju wkoll li premju bħal dan, sa ftit snin ilu, lanqas biss kien jeżisti.

id-destinazzjoni, imma, għadha twila.

irridu nagħmlu aktar.

u meta nagħmlu aktar, se nitlob biex nagħmlu aktar.

qatt mhu se jkun biżżejjed.

 

hekk biss iseħħ il-progress.  

biex lil dak it-tifel li llum għandu 11-il sena u jinsab magħluq f’kamartu jaqra ktieb tiegħi jew mhux tiegħi u jinsab immeraviljat u jixtieq ikun bħalna, ikollu triq eħfef.

 

u forsi – forsi – taħsbu li llum, b’żewġ kotba taħt ismi, triqti hija waħda faċli.

  margaret atwood tgħid li l-att tal-kitba huwa att ta’ tama.

tibda tikteb ktieb – tittama li tispiċċah; imbagħad, meta tispiċċah, tittama li huwa tajjeb; imbagħad, tittama li xi ħadd se jkun irid jippubblikah; imbagħad, li xi ħadd se jkun irid jaqrah.  

allura jien, fil-kliem Trevorjan, se nibqa’ naqra ħafna, nikteb ħafna, narmi ħafna.

  noħlom ħafna.  

kull darba li niftakar fil-qarrejja, inħossni privileġġjat li ma ngħidx.

 

meta ħriġt stessi ddedikajtu lili nnifsi; meta ħriġt ħassartek ħallejt lill-qarrejja jagħżlu huma lil min iridu jiddedikaw il-ktieb.

imma l-kopja tiegħi hija ddedikata lil entità waħda: l-omm. il-missier.  

flashback: 14.10.22  

pa, fejn qiegħed?

għadni nixtri l-PAVI.

ara ma niflaħx ma ngħidlekx ...

xiex?

il-preżent  

qed tara, pa, issa ... kulħadd jaf!  

dan il-missier ta u għamel minn kollox biex illum ninsab hawn.

u llum, b’dan l-unur, żgur jinsab ferħan iktar minni – impossibbli daqskemm taf tinstema’.  

u fi kliemu: issa ma tridx toqgħod tiċċassa, trid ixxammar il-kmiem.  

il-verità hi li meta tkun nominat u titlef, trid taħdem aktar. u meta tirbaħ, trid taħdem aktar.  

u hawn terġa’ titfaċċa l-kelma ‘ħidma’.

għax il-kitba hija hekk. ħidma. xogħol.

u għandha tiġi rikonoxxuta daqs kull xogħol ieħor.

mhux bħala passatemp. mhux bħala side-hustle.

imma, għal min irid, anki xogħol full-time.

u mingħajr sagrifiċċji finanzjarji astronomiċi.  

forsi kollox jispiċċa b’ħolma, ukoll.

u, għalhekk, barra l-ħolm-klixè l-ieħor kollu, jien għandi waħda partikolari.

li, meta xi ħadd jistaqsini inti x’tagħmel u nwieġbu nikteb, ma jistaqsinix u x’aktar?

pawża  

issa tal-aħħar.  

għamilt l-almu kollu tiegħi biex din il-kelma partikolari ma nsemmihiex.

meta kelma ssemmiha ħafna drabi jaf titlef l-effett tagħha.  

lil dawk kollha li semmejt.

lilkom kollha li tinsabu hawn.

u oħrajn li ma jinsabux hawn.

u speċjalment, lill-kunsill nazzjonali tal-ktieb.  

minn issa

flashforward

grazzi.

4 ta’ Novembru 2022

Next
Next

‘Ħassartek’: Wara l-Kwinti (3)