‘Ħassartek’: Wara l-Kwinti (2)

Sewwa. Issa li, fil-bloggata ta’ qabel, neħħejt balla kbira minn fuq l-istonku: x’tagħmel li kieku tkun kittieb u ma tkunx tista’ tikteb?

 

Ma nixtieqx nirromantiċizza wisq ir-writers block, għax, fil-verità, wara li ħriġt mill-isptar u bdejt nattendi l-kors tad-Diploma fil-Letteratura Maltija, ma waqaftx nippjana f’moħħi dwar storja li kienet ilha tberren fih sa mill-2015 (nittama li ssiru tafu biha dalwaqt).

 

Imma nippjana f’moħħi biss. Mhux nikteb. U kittieb mhux kittieb jekk ma jiktibx.

 

Għall-ewwel ma stajtx nikteb mil-lat mentali. X’se taqbad tikteb wara li l-ewwel rumanz tiegħek rebaħ premju prestiġjuż? Ġie ppubblikat? Kif se tikteb xi ħaġa aħjar? Aqwa? U l-qarrejja?

 

Owkej, owkej, nistħajlek tgħidli: “Kemm qed tgħaġġibha!”

 

Veru. Imma xorta tibqa’ l-verità.

 

Imbagħad bdiet l-għeja. Għeja mingħajr ma nagħmel xejn. U wġigħ ma’ ġismi kollu. Minn imkien. It-tnejn dejjem jiżdiedu. L-isptar sar id-dar. Nitlef il-lekċers tad-Diploma bl-addoċċ. U, l-agħar fosthom, ħadd — imma ħadd — ma jista’ jgħidli x’għandi. L-ebda tabib, l-ebda professur, l-ebda test mediku ...

 

Wara ħafna trietaq, imma: il-fybromyalgia. Dik kienet. Wisq probabbli riżultat tal-attentat li semmejt qabel, jew tat-trawma li għaddejt minnha bil-kanċer li ħakem lil ommi u qatilha. Qed insemmi dan kollu għax huwa relevanti għal ‘Ħassartek’, imma wkoll, għax bħas-saħħa mentali, il-kundizzjoni tal-fybromyalgia għandna bżonn nitkellmu iktar dwarha. Hemm bżonn iktar għajnuna fejn jidħlu dawn il-kundizzjonijiet. U min jgħidli li hemm għajnuna, ngħidlu: mhux biżżejjed. Qatt mhu biżżejjed.

 

Hu x’inhu, issa żgur ma stajtx nikteb, lanqas fiżikament. Qattajt xhur fis-sodda, għajjien, muġugħ, nista’ nisma’ biss l-audiobooks, nistennew, jien u missieri, li forsi xi wieħed mill-bosta esperimenti mediċinali jagħmel xi miraklu (li ma nemminx bihom, bħala ateu pur) u jibda jgħin (għax xejn ma jista’ jfejjaq din il-kundizzjoni) ...

 

U, allura, hawnhekk missejna ma’ tmiem ieħor f’forma oħra.

 

Żgur qatt ma kien se jirnexxili nikteb aktar. Nagħmel iktar wirjiet tal-arti.

 

Kif stajt, meta lanqas kelli saħħa nagħmel ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum?

 

Għadni sal-lum ma nistax nemmen kif temmejt il-kors tad-Diploma b’suċċess. Jew forsi naf — bis-saħħa ta’ missieri, tal-letturi, tal-istudenti-sħabi u ta’ ftit oħrajn li baqgħu. U, waqt li d-dinja kollha bdiet timrad, saħħti bdiet sejra dejjem għall-aħjar. Il-proġett aħħari tad-Diploma, issa online minħabba l-pandemija, kien jinvolvi l-interpretazzjoni ta’ xogħol letterarju u l-preżentazzjoni kreattiva tiegħu ...


Iktar informazzjoni dwar Ħassartek

Previous
Previous

‘Ħassartek’: Wara l-Kwinti (3)

Next
Next

‘Ħassartek’: Wara l-Kwinti (1)